Jum ta’ festa għall-Belt Valletta, il-Belt tagħna lkoll. U mhux se nħallu lill-Beltin jgħidu li l-Belt hija tagħhom biss. Tagħna wkoll.
Hekk inwaddab ħarsti lura fiż-żmien, nemmen li aktar qattajt sigħat imqajjem fil-Belt milli band’oħra f’Malta. Bejn qorti u Parlament, u uffiċċju. U minkejja l-inżul u t-tlajjiet tagħha, dejjem hija sabiħa. Anzi, aktar tgawdi l-veduta kollha, imqar jekk hi Triq l-Ifran.
U tiskanta kif f’daqstant ċokon, wara kollox, hemm daqshekk teżori ta’ kultura, u biċċiet minn kullimkien li sawru l-ġrajja tal-Belt Valletta. Mhux tal-Kavallieri biss, imma tal-Ingliżi, tal-ġemgħa tal-Lhud li kienu jgħixu Malta.
Il-Bereġ weħidhom jagħmlu l-ġrajja tal-Ewropa. Kos, qishom l-Ewropa tal-lum, għax dejjem hekk kienet l-Ewropa. Flimkien kemm trid imma kulħadd għal rasu. Il-Ġermaniżi tal-Baviera jfittxu post prominent u strateġiku għal rashom! Jikkmandaw il-veduti tal-ibħra. Il-Bereġ l-oħrajn iħarsu madwarhom. Tal-Baviera lil’hinn mill-orizzont. Hekk baqgħu sal-lum.
Imma għalija ma’ din il-festa hemm ġrajja oħra. Li mhix tas-soltu. Anzi ma naf li ġrat qatt.
Meta Joseph Muscat kien qed jitkellem fuq il-ġrajja tal-lum, qal :”ejja ngħiduha, din l-idea tal-Belt bħala kapitali tal-kultura inbdiet minn Lawrence Gonzi u Mario Demarco….”
Il-politiċi li kont naf jien, meta għamlu xi ħaġa, dejjem huma ħolmuha u bdewha u wettquha. Il-ħajja mhux hekk. U l-ġrajja mhux hekk. Kollox jinbena saff wara saff, anke l-ġilda li għandna f’wiċċna.
U min hu ta’ rieda tajba jagħti s-sehem tiegħu.
Għalhekk għalija dak il-kliem ta’ Joseph Muscat li ta ġieh lil Lawrence Gonzi u anke lil Mario Demarco juri li dak li kien jgħid, “Taghna lkoll” verament jemmen fih. Ma kinitx l-għajta tal-elezzjoni ta’ din id-darba, imma kienet għajta li baqgħet tidwi.
Jien naqbel magħha. Ma nistgħux f’pajjiż żgħir bħal tagħna, mogħni b’kultura, ġrajja, u kull ġid, jinqasam il-ħin kollu u jehda jitgħajjar u jitmasħan.
Lawrence Gonzi ta sehem. Mhux f’kollox taqbel miegħu, imma jien ma nafux ixerred il-ħdura bejn il-Maltin. Joseph imur aktar ‘il quddiem. Ifittex li jgħaqqadna.