“Nispera li nkun nista’ nerġa niltaqa’ magħkom għall-programm ieħor.’ Dan kien il-kumment li x-xandar veteran Albert Zammit għadda fuq ir-radju, li nebbaħna biex niltaqgħu miegħu sabiex jirrakuntalna l-esperjenza tiegħu filwaqt li jgħaddi dak li tgħallem mill-imrar tal-ħajja.
Propju, One News żar lil Żammit fid-dar tiegħu fejn saħansitra għandu studio sofistikat tar-radju u tkellimna miegħu dwar kif sentejn ilu, skopra li għandu kanċer fil-prostata.
Kienet aħbar li ġiet fuqu bħal sajjetta fil-bnazzi.
Zammit qal, “Mort għand newroloġista għal ħaġa oħra fil-fatt, ma kellha xejn x’taqsam ma’ dik il-ħaġa. Eżaminani qalli, “Jiena mhux li tlabtni inti ħa ntik. Ejja l-isptar ħa niċċekkjak għaliex naħseb li għandek kanċer.” Fil-fatt, għall-grazzja t’Alla lħaqtu fil-bidu.”
F’nofs din il-burraxka, waqt li kienet qed jieħu l-kura u minkejja l-qtiegħ il-qalb, Albert Zamit xorta waħda għamel minn kollox biex jibqa jxandar fuq One Radio 92.7, u jkompli jtella’ l-programmi mużikali tiegħu.
Dan seta’ jagħmlu biss, meta ma jkollux appuntament l-isptar, u s’intendi kien iħossu tajjeb.
Zammit spjega, “Dakinhar kont nagħmel dak il-programm nhar ta’ Ġimgħa, erba’ sigħat, mis-siegħa u kwart sal-ħamsa, fil-fatt kienu, u ġejt biex nagħlaq il-programm però verament il-ġimgħa ta’ wara ma kontx inkun naf jekk inkunx nista’ nerġa’ nagħmel il-programm jew le. Minħabba l-fatt li bis-sitwazzjoni u bil-qagħda tiegħi kif kont, u għadni sal-lum, kien jista’ jkollok telefonata mill-isptar jgħidlek isma ejja ħa jkellmek konsulent, ejja ħa tkellmek infermiera, ejja ħa tagħmel xi trattament jew xi ħaġa. Iva, għax l-isptar vera jieħdu ħsiebek.”
Zammit jappella li wara l-maltemp jiġi l-bnazzi.
Huwa rrakonta magħna, li waqt it-trattamenti, kien hemm żminijiet li kien qed jaqta’ qalbu imma baqa’ jiġġieled xorta waħda.
Hu spjega, “Ħadt il-chemo, bdejt nieħu r-raġġi u l-effett tagħhom ma tistax tgħid x’se jkun. Tal-chemo aktar mir-raġġi, ir-raġġi fil-fatt ma tħoss xejn però il-chemo, daqqa jattakkalek hawn, daqqa jattakkalek hemm u jista’ jkissrek, però huwa bżonnjuż.”
Zammit irrakonta magħna li waqt li kien qed jieħu l-chemo u r-raġġi u minħabba li waqt it-trattamenti, l-immunita titbaxxa, ħa tixriba u laqqat riħ u spiċċa qatta’ għaxar t’ijiem f’koma.
Hu qal, “U mort l-isptar u żammewni hemm. L-unika ħaġa li niftakar imbagħad kien li ngħid lit-tifel, “Mur id-dar ġibli t-‘tablet’ u ċ-‘charger’ tal-arloġġ. Wara ma niftakar xejn. Wara, sirt naf aktar tard, li ftaħt għajnejja għaxart’ijiem wara u dawk l-għaxart’ijiem ma nafx x’ġara. Barra ħafna ħolm, huwa inspjegabbli jiġifieri.”
Albert Zammit stqarr ma’ One News kemm huwa mportanti li minn żmien għal żmien; dak li jkun jagħmel it-testijiet u ma jitraskurax.
Huwa appella lil kulħadd biex ma joqogħdux lura biex jagħmlu t-testijiet:“Le le, ma kontx nagħmel testijiet, tagħmlux bħali. Jiena fil-fatt anki lit-tfal, tliet subien għandi, għedtilhom – ‘Isma morru u għamlu t-testijiet. Issa li għadkom żgħar u issa li forsi għadu fil-bidu nett u tista’ tilħqu u tneħħiħ, u jkun aktar faċli u tbati ħafna inqas milli batejt jiena.’ Però ġaladarba tagħmel it-testijiet u tieħu l-kura, imbagħad tista’ terġa’ tgħix bil-ħajja normali tiegħek.”