Meta wieħed jaqbeż is-sittin sena għandu jżomm ruħu aktar attiv u saħansitra jieħu sehem aktar f’attivitajiet fiżiċi regolari. L-eżerċizzji jservu ta’ benefiċċju kbir fil-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna.
Aktar ma’ wieħed jikber, aktar il-mobilità ssir importanti. Ir-riċerka turi li l-eżerċizzji fiżiċi jgħinu sabiex jitnaqqas ir-riskju ta’ waqgħat, ikollna immunità aktar b’saħħitha, diġestjoni mtejba, u pressjoni tad-demm u densità tal-għadam aħjar. L-eżercizzji jgħinu wkoll sabiex jissaħħu l-muskoli ta’ ġisimna.
Li wieħed ikun attiv ta’ ċerta età jgħin sabiex jonqos ir-riskju ta’ mard bħall-Alzheimer u d-dijabete, l-obeżità, il-mard tal-qalb, l-ostjoporożi, u anki ċerti tipi ta’ kanċer.
Fil-Mellieħa, il-Ministru għall-Anzjanità Attiva, Jo Etienne Abela, flimkien mal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità inawgura proġett b’investiment ta’ €11,000 f’tagħmir ta’ gym fuq barra, li jikkonsisti fi ‘steering and arm wheel’ u ‘pedal chair’ fid-djar tal-anzjani tal-Gvern.
L-għan prinċipali ta’ dan l-investiment huwa sabiex l-anzjani jkunu jistgħu jibqgħu jagħmlu l-attivitajiet tagħhom ta’ kuljum mingħajr ma jsiru dipendenti fuq ħaddieħor.
Il-proġett, li mistenni jibda jitħaddem fid-djar tal-anzjani tal-Gvern fil-Mosta, il-Mellieħa, l-Imtarfa, u l-Furjana huwa maħsub li jitkompla fid-djar tal-anzjani kollha tal-Gvern.
Il-Ministru Abela spjega kif dan huwa l-mod kif il-Gvern se jkun qed jinvesti fl-anzjani, sabiex ikollhom modi differenti ta’ kif jagħmlu l-eżerċizzju fiżiku.
Il-Ministru Abela sostna li l-għan ewlieni tal-gvern huwa li jittrasforma lis-soċjetà tal-anzjani minn waħda ta’ dipendenza għal waħda ta’ anzjanità iktar attiva. Dan kollu jgħin biex tingħata aktar indipendenza u dinjità f’dan l-istadju fil-ħajja tal-bniedem.
Il-Ministru għall-Anzjanità Attiva żied jgħid li, meta wieħed javvanza fis-snin u jgħix ħajja aktar b’saħħitha, itejjeb il-benesseri tiegħu bħala anzjan, u saħansitra jtawwal il-ħajja tax-xogħol filwaqt li jipprovdi inċentiv għat-tkabbir ekonomiku. Barra minn hekk, inaqqas il-pressjoni fuq is-sistemi tas-saħħa u l-għajnuna soċjali tal-pajjiż.
Qal, “Il-Ministeru għall-Anzjanità Attiva huwa kommess u jħeġġeġ lil anzjani kollha biex, kemm jista’ jkun, jeżerċitaw irwieħhom. Nafu li l-eżerċizzju fiżiku ħa jħalli l-benefiċċju fuq is-saħħa mentali u fuq is-saħħa inġenerali tal-ġisem.”