B’investiment ta’ madwar mija u erbatax-il elf ewro, se jinxtara tagħmir ġdid għad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili biex ikun attrezzat aħjar f’każ ta’ emerġenza fiż-żoni industrijali f’Għawdex.
Dan permezz ta’ ftehim bejn INDIS Malta u d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili f’Għawdex, se jikkumplimenta ftehim ieħor bejn iż-żewġ naħat biex tiżdied is-sigurtà fiż-żoni industrijali.
Dan it-tagħmir jista’ jintuża f’Malta wkoll f’każ ta’ emerġenza nazzjonali.
Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Byron Camilleri qal li b’dan l-investiment, għall-ewwel darba d-Dipartiment se jkollu trakk li jġorr vetturi kbar u żewġ bawżers, b’kapaċità ta’ għoxrin elf litru.
Qal, “Permezz ta’ dan l-investiment f’dawn il-vetturi, qed naraw li l-Protezzjoni Ċivili jkollha vetturi magħmula b’mod speċjali għal Malta li jistgħu jintużaw skont iċ-ċirkostanzi differenti u anki l-karatteristiċi differenti ta’ fejn ikunu qed jintużaw.”
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri qal li dan l-investiment se jindirizza t-tkabbir fl-ekonomija Għawdxija, li jġib miegħu diversi bżonnijiet.
Spjega, “F’dawn l-aħħar snin komplejna ninvestu fiż-żona industrijali, komplew jiftħu aktar negozji hemmhekk u għaldaqstant irridu wkoll issa nippreparaw ruħna b’aktar equipment sabiex is-saħħa u s-sigurtà f’dan il-post ikun assigurat.”
Il-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri qal li dan il-ftehim se jwitti t-triq għal iżjed eżerċizzji ta’ taħriġ għal tifi tan-nar f’żoni industrijali.
Qal, “Bħala Ministeru rridu naraw li l-protezzjoni u l-assigurazzjoni fuq il-postijiet tax-xogħol, f’dan il-każ fiż-żoni industrijali, ikunu siguri, għall-ħaddiema u anki għall-operat, u allura għalhekk dil-koperazzjoni bejn diversi Ministeri sabiex fl-aħħar mill-aħħar naraw li dil-koperazzjoni bejn il-Ministeri sservi ta’ ġid ukoll, f’dan il-każ għal din iż-żona industrijali f’Għawdex.”