Huma ħafna dawk li qed jgħidu li l-Prim Ministru Taljan, Matteo Renzi, għamel żball meta rabat ir-riformi kostituzzjonali mal-iktar uffiċċju importanti f’Palazzo Chigi; dak tiegħu.
Żort Palazzo Chigi proprju ftit wara li Renzi ħa t-tmexxija tal-Italja u kellu laqgħa mal-Prim Ministru Malti Joseph Muscat.. Żjara li nibqa’ niftakarha għal diversi raġunijiet.
Dakinhar mill-ewwel deher li bejn Muscat u Renzi kienet se tinbet ħbiberija u relazzjoni ta’ ħidma tajba ħafna. Kif fil-fatt seħħ. Dakinhar irrealizzajt mill-ewwel li bħal b’Muscat f’Malta, f’Renzi, it-Taljani kellhom mexxej determinat li jbiddel pajjiż.
Il-qofol tar-riforma tiegħu kellha tintlaħaq f’dan ir-referendum. Dan għaliex emmen li seta’ jkollu l-bażi biex jibni pajjiż differenti. Italja b’saħħitha għar-realtajiet tal-lum.
Matteo Renzi, determinat u bi ftit li xejn paċenzja, ried jamministra f’Italja differenti u mibdula biex ir-riformi li tant nies tkellmu fuqhom tul is-snin ikunu attwati .
Jekk hux għall-aħjar jew le huwa dibattitu li nistgħu ndumu niktbu fuqu ħafna. Peró żgur li ma riedx l-istatus quo. Ma riedx li l-affarijiet jibqgħu l-istess. Għax huwa frustranti meta tixtieq jew temmen xi ħaġa u ma tkunx tista tatwaha. Aħseb u ara meta tkun mexxej ta’ pajjiż fl-iktar kariga importanti.
Għamilha ċara kristall li n-nuqqas ta’ bidla setgħet twassal biex jitlef is-siġġu tiegħu. Kif qal f’konferenza tal-aħbarijiet, ried ineħħi biżibilju siġġijiet (b’referenza għall-bidla fis-senat fejn ruxmata senaturi kienu se jispiċċaw barra) u spiċċa neħħa s-siġġu tiegħu.
Anke jekk tara l-ħdax-il minuta tal-konferenza tal-aħbarijiet jiddispjaċik għax tirealizza li l-Italja tilfet mexxej li kien qed jagħti d-dinjità lil dan il-pajjiż ġar, Renzi ħareġ bl-unuri kollha.
Ngħid għalija Matteo Renzi tagħna tagħlima. Fil-ħajja tgħix f’illużjoni. Kun determinat u ddeċiedi. Anke jekk il-prezz jaf ikun għali.