Il-votazzjoni għall-elezzjoni ġenerali 2017 għalqet. Dan ifisser li l-elettorat issa ma jistax jivvota aktar u li l-kaxxi tal-voti huma ssiġġilati. Issa l-kaxxi jittieħdu fiċ-ċentru tal-Għadd tal-Voti fin-Naxxar biex hemmhekk il-Kummissjoni immedjatament tibda l-proċess ta’ rikonċiljazzjoni tal-Ballot Paper Account ta’ kull kaxxa man-numru attwali ta’ voti fl-istess kaxxa.
Il-kaxxa tal-voti titqiegħed fuq il-wiċċ tal-mejda tal-Counting Assistants. Wara li jkun żgurat li fuq l-istess mejda ma hemm l-ebda karta oħra, jintwerew is-siġilli tal-kaxxa tal-voti lill-kandidati u l-aġenti tagħhom.
Imbagħad is-siġilli kollha, kemm dawk uffiċjali kif ukoll dawk magħmula mir-rappreżentanti tal-partiti politiċi jitkissru.
Dan ifisser li l-għażla tal-Gvern li se jkun qed imexxi lil Malta għal ħames snin li ġejjin issa hija deċiża, fadal biss li jingħaddu l-voti biex inkunu nafu r-riżultat elettorali.