Għalqet b’mod uffiċjali l-konsultazzjoni pubblika dwar waħda mill-akbar riformi fil-qasam tal-Ġustizzja Kriminali, dik dwar il-proċess tal-kumpilazzjonijiet u r-rinviji. Riforma li hija ċentrali fit-twettiq tal-programm ta’ ħidma tal-Gvern.
Din ir-riforma hija intiża biex jitqassar sostanzjalment iż-żmien meħud f’dan l-istadju tal-proċess kriminali u se tkun parti minn kullana ta’ riformi fil-qasam tal-ġustizzja fosthom dik fl-inkjesti maġisterjali, u dan biex tkun assigurata li l-ġustizzja ssir, tidher li qed issir u ssir fi żmien raġonevoli.
Bħala parti mill-konsultazzjoni pubblika , il-Ministeru għall-Ġustizzja ħejja diversi laqgħat mal-partijiet ikkonċernati, fosthom mal-Università ta’ Malta, mal-MCESD, diversi stakeholders kif ukoll mal-pubbliku inġenerali. Waslu wkoll diversi suġġerimenti mill-Kamra tal-Avukati, mill-Ġudikatura, mill-partiti politiċi, Għaqdiet mhux Governattivi u anke mill-prosekutur Ewropew għal Malta.
Il-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard saħaq kif, “Matul il-proċess ta’ konsultazzjoni mhux biss stennejna li nirċievu l-kontribut tal-pubbliku u l-istakeholders bil-miktub, imma rajna wkoll li nkunu aħna stess li nersqu ’l quddiem biex niddiskutu dak propost u kif dan jista’ jkompli jissaħħaħ.”
Il-messaġġ aħħari li wasal f’din il-konsultazzjoni pubblika kien dak li s-sistema tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja hemm bżonn tkompli titjieb u titbiegħed mill-periklu tal-istaġnar.
Għaldaqstant, il-Gvern jafferma l-impenn tiegħu favur aktar ġustizzja effettiva u fid-dawl ta’ dan, il-Ministeru issa qiegħed jevalwa s-suġġerimenti u l-proposti kollha li saru minn dawk kollha li ħadu sehem f’din il-konsultazzjoni sabiex imbagħad din ir-riforma tkun tista’ tgħaddi għall-istadju li jmiss, li huwa l-iskrutinju demokratiku aħħari fil-Parlament ta’ Malta.