F’Avviż pubbliku maħruġ mid-Direttur Ġenerali (Affarijiet tal-Konsumatur) fi ħdan l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur intqal li d-Direttur Ġenerali (Affarijiet tal-Konsumatur), skont l-Artikolu 8 tal-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur (Kap. 378), qiegħda toħroġ dan l-Avviż Pubbliku li bih qed tidentifika u tgħarraf lill-pubbliku li:
Is-Sur Pierre Camilleri – Aqualux ma onorax id-deċiżjoni mogħtija mit-Tribunal għal Talbiet tal-Konsumaturi.
Il-konsumaturi kienu qabbdu lill-bejjiegħ biex jagħmel xogħol ta’ plumbing, iżda ssottomettew li wara xahar u nofs waqa’ lura fix-xogħol. Il-wegħdiet li kien jagħmel li ser ikompli x-xogħol qatt ma seħħew u injora diversi ittri u telefonati min-naħa tal-konsumaturi.
Minbarra hekk, il-konsumaturi qalu li kellhom iqabbdu plumber ieħor li sab ħafna nuqqasijiet fix-xogħol li għamel ta’ qablu.
Il-bejjiegħ qatt ma ssottometta risposta u lanqas attenda għas-seduti tat-Tribunal, minkejja li l-istess Tribunal ddikjara li kien debitament notifikat.
It-Tribunal laqa’ t-talba tal-konsumaturi u ordna lill-bejjiegħ iħallas lura is-somma ta’ €1,583 lill-konsumaturi.