Li Claudette Buttigieg mhix ta’ livell ta’ shadow minister għas-settur tas-saħħa ilni naf. Intbaħt wara li segwetjha tagħmel żball wara ieħor bil-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne jkollu jfehma bil-paċenzja kollha bħal meta għalliem ifiehem student tal-primarja.
Iżda, tal-inqas kont nemmen li għandha d-diċenza li tistħi. Però donnu lanqas sa hawn ma wasalna.
Ma stajtx nemmen lil widnejja meta lbieraħ smatjha tgħid li minħabba ċerti blogs hemm deputati li lanqas imorru l-baħar b’uliedhom. Xi blogs huma dawn li qed issemmi Claudette Buttigieg? U għaliex issa?
Nies mill-grupp parlamentari Nazzjonalista ilhom snin jgħaddu tagħrif lil Daphne Caruana Galizia biex tippubblikah. Tagħrif personali wkoll. Rajna deputati tal-gvern imżebilħa għax marru vaganza, rajna ġurnalisti mxandra għax ħadu l-uliedhom il-bandli u biex nsemmu l-baħar rajna post riċenti ħafna tal-Ministru Konrad Mizzi li għax kien qed jieħu waqfa qasira mal-familja l-baħar spiċċa fi blog post.
Ikolli ngħid li dan mhu xejn meta mqabbel ma’ biżibilju ta’ attakki foloz saħansitra lejn il-mejtin. Mhu xejn lanqas meta niftakru li fil-mira ġieli spiċċaw qraba li jiġu mill-bogħod minn esponenti pubbliċi. Qraba li l-ħajja pubblika qatt ma fittxewha. Jew saħansitra persuni privati li ġew imżebilħa għaliex jissimpatizzaw mal-Partit Laburista.
Għal snin twal ma smajna xejn għajr ammissjoni ċkejkna li din l-attitudni seta’ kellha effett fuq it-telfa elettorali tal-Partit Nazzjonalista.
Dan f’rapport li Simon Busuttil ġie jaqa’ u jqum minnu tant li lil min jagħmel l-attakki personali issa saru jigglorifikawh u saħansitra għandhom Viċi Kap jikkwotawh il-ħin kollu fil-Parlament.
Iżda, f’daqqa waħda l-blogs saru ħżiena. Mal-mument li beda jinkiteb glennbedingfield.com sirna nibżgħu għal privatezza. Il-ħajja personali saret sagra u tal-familja sirna rridu nirrispettawhom.
Inkun ċar kristall. L-animu u l-ispirtu tal-blog ta’ Glenn Bedingfiled m’għandux x’jaqsam xejn ma’ dak li ilu għal snin twal juża l-Partit Nazzjonalista.
Xi kultant juża l-istess mediċina, peró f’doża ferm inqas qawwija. Kemm ifakkar li taħt abtu kulħadd għandu xi jxomm. Peró, ebda missjoni li jitkissru ħajjet in-nies.
Iżda donnu anke dan huwa wisq għal Claudette Buttigieg u David Agius. Li f’daqqa waħda qed jilmentaw mill-blogs (pubblikament għax minn taħt ma nafux x’jagħmlu).
Li kieku tinqabad trid differenti ma jkunx ħażin.
Però, ikolli ngħid issa tard wisq. Bil-barka ta’ Lawrence Gonzi u Simon Busuttil fl-aħħar snin iddaħlet wisq il-kultura tal-mibegħda.
U bilħaqq. Triq differenti ma jfissirx li naħbu l-fatti meta jaqblilna. Min għandu jifhem se jifhem.