Anke l-introduzzjoni tas-siġra tal-Milied ġejja mill-festa ta’ Saturnalia tal-pagani. Fil-kult ta’ Asheira, setta pagana, kienu jaduraw is-siġar. Hekk biż-żmien is-siġar bdew anke jiddaħħlu fid-djar bħala parti mit-tiżjin tal-festa tal-Milied u biż-żmien is-siġra tal-Milied saret parti mit-tradizzjoni tal-Milied. Naturalment id-dinja Kristjana aċċettat din id-drawwa u s-siġra tal-Milied saret parti ukoll mill-Milied Kristjan.
L-istess jgħodd għal dak li jitpoġġa taħt din is-siġra. Għall-bidu l-imperaturi pagani Rumani kienu jpoġġu rigali jiswew ħafna u li kienu jitqassmu waqt iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Milied. Iktar tard bdew jitqassmu xi rigali lill-popolin ukoll. Biż-żmien id-dinja Kristjana inkorporat it-tqassim tar-rigali fit-tradizzjoni tal-Milied u r-rigali saru parti mid-drawwa tal-Milied fil-familji u fid-djar kollha fejn it-tfal u anke l-kbar ikollhom xi rigal għalihom mingħand il-membri l-oħra tal-familja u l-ħbieb.