Il-kumpanija ta’ kostruzzjoni Torka, Taca fetħet proċeduri legali f’pajjiżha u talbet għall-protezzjoni legali sakemm tqum fuq saqajha u tħallas id-dejn.
Aktar minn 24 kumpanija Maltija ressqu proċeduri legali kontra l-kumpanija tal-kostruzzjoni Torka, TACA.
Il-kumpanija li hija bbażata fil-kapitali Torka, Ankara, għandha tagħti madwar seba’ miljun ewro lil numru ta’ kumpaniji Maltin għal servizzi relatati mal-kostruzzjoni fost oħrajn.
TACA marret quddiem il-Qorti Kummerċjali f’Istanbul u sostniet li filwaqt li mhiex falluta, trid ftit żmien biex tħallas id-dejn.
Bħalissa hemm amministraturi fil-kumpanija li kull ġimagħtejn qed jgħaddu rapport lill-Qorti dwar is-sitwazzjoni fil-kumpanija.
Skont il-liġi Torka, il-fatt li TACA fetħet hi proċeduri legali issa jingħalqu l-bibien għall-kumpaniji oħra biex jieħdu azzjoni legali kontra TACA.
Fil-Qorti hemm numru ta’ każijiet ippreżentati kontra l-kumpanija TACA, fejn saħansitra kreditur, permezz tal-Att dwar il-Kumpaniji, ressaq talba għax-xoljiment tal-kumpanija Torka kif ukoll iż-żamma tal-assi tagħha f’Malta.
Sadanitant, il-Qorti Maltija laqgħet talbiet oħra għal ordnijiet ta’ sekwestru ta’ TACA.
Il-biċċa l-kbira tal-kredituri Maltin ppreżentaw ukoll każijiet individwali fil-Qorti, u dan wara li TACA injorat il-proċeduri ppreżentati min-numru ta’ kumpaniji Maltin bil-għan li jirkupraw il-flus dovuti lilhom.
L-ammont ta’ flus dovuti jvarjaw minn ftit mijiet ta’ ewro sa eluf kbar, u saħansitra ma’ kumpanija waħda, TACA tellgħet kont li jaqbeż iż-żewġ miljun ewro.
Il-kumpanija Torka, qed taffaċċja wkoll problemi finanzjarji mal-ħaddiema tagħha li nġabu f’Malta biex jaħdmu fuq numru ta’ proġetti ta’ kostruzzjoni.
Il-ħaddiema kienu mwiegħda kundizzjonijiet tax-xogħol tajba, madanakollu, fil-bidu ta’ din is-sena, l-istess ħaddiema bdew jilmentaw li mhux qed jirċievu l-paga, tant li spiċċaw lanqas kellhom biex jixtru l-affarijiet bażiċi bħall-ikel.