Anzjani li qegħdin joqogħdu fid-djar tal-Imsida, Mosta u Mtarfa għandhom l-opportunità li jsiru aktar familjari mal-użu tat-tablet.
Dan wara li s-Segretarju Parlamentari għan-nies b’diżabbiltà u anzjanità attiva, it-Tnejn filgħodu ħabbar li l-anzjani ser jingħataw lezzjonijiet dwar l-użu tat-tablet. Dawn il-lezzjonijiet jinkludu taħriġ fuq kif jibgħatu email jew kif ikunu jistgħu jixtru online. L-anzjani li jagħmlu dan il-kors ħa jkunu jistgħu wkoll iżommu t-tablet li jingħatalhom.
Dan hekk kif permezz tat-teknoloġija, wieħed jista’ jkollu aċċess aħjar mal-familja tiegħu kif ukoll kuntatt dirett mal-ġrajjiet kurrenti.
Is-Segretarju Parlamentari Anthony Agius Decelis ħabbar ukoll li din l-inizjattiva ħa tinkludi tisħiħ fil-wifi tad-djar sabiex l-anzjani jkollhom wifi b’saħħtu fil-kamra tagħhom. Intant, din l-inizjattiva ħa tkun estiża wkoll f’aktar djar tal-anzjani fiż-żmien li gej.