Il-bidu ta’ sena skolastika ġdida se jġib miegħu l-bidu tal-proġett “tablet per child” mal-istudenti tar-raba’ sena. Ix-xogħol biex din il-miżura tkun suċċess għaddej ġmielu tant li kienu propju l-għalliema li spiċċaw fuq il-bankijiet qabel l-istudenti tagħhom.
Għal ħafna għalliema u studenti tal-primarja, il-ġurnata ta’ Tnejn li ġej se tkun qed tfisser mhux biss il-bidu ta’ sena skolastika ġdida, iżda pass ieħor tal-proġett “tablet per child” fuq il-bankijiet tal-iskejjel.
Ix-xogħol biex din il-miżura tkun ta’ suċċess qed tmur lil hinn minn sempliċiment għotja ta’ tablet lit-tfal.
Fil-fatt, kienu propju l-għalliema li poġġew minflok it-tfal, biex għal tliet ijiem jitgħallmu u jiffamiljariżżaw ruħhom mat-tablet li ħa jkollhom f’idejhom.
Emmanuel Zammit, id-Direttur tal-E-Learning u koordinatur ewlieni ta’ dan il-proġett tkellem b’entużjażmu dwar il-proċess li jinsab għaddej.
Mill-ġimgħa d-dieħla stess l-għalliema li jibdew jgħallmu lill-istudenti tar-raba’ sena dwar kif u fuq kollox meta għandhom jużaw it-tablet tagħhom.
Qed ikun emfasizzat biex anke l-ġenituri jkunu fiċ-ċentru tal-ħajja akkademika ta’ dawn it-tfal, bil-għan li jiġu evitati l-abbużi.
Għal dawk hemm barra li għandhom idea li dan it-tablet se jkun ta’ tfixkil u logħob biss, ir-risposta ta’ Zammit kienet ċara. Zammit spjega wkoll il-pass li jmiss wara li t-tfal jirċievu t-tablets lejn l-aħħar ta’ din is-sena.