Hekk kif din il-ġimgħa ħarġu r-rankings mondjali tal-Federazzjoni Internazzjonali tat-table tennis, il-plejer professjonali Malti Felix Wetzel jinsab fil-255 post wara li ħa sehem fil-WTT Feeder Event li sar f’Havrov fir-Repubblika Ċeka.
Wetzel wasal sal-aħħar 64 wara li għeleb lil Pedro Osiro tal-Iżvizzera 3-0 wara sets ta’ 11-9, 11-5 u 11-8 għalkemm tilef 3-0 kontra Luka Mladenovic tal-Lussemburgu. Minkejja din it-telfa, Wetzel ta qalbu tul il-logħba missielta bis-sets ikunu 14-12, 11-9 u 11-9.
Wara dan ir-ranking li ħarġet l-ITTF, huwa tela’ 40 post wara li fir-rankings tal-ġimgħa l-oħra hu kien qiegħed fil-295 post.
Sadanittant Felix Wetzel se jkun qed jieħu sehem f’żewġ avvenimenti oħra tad-WTT Feeder Event f’Olomouc fir-Repubblika Ċeka u f’Panagyurishte fil-Bulgarija.