Iż-żewġ plejers żgħażagħ tat-table tennis minn HiTT Malta Table Tennis Academy Luke Bonello u Danny Scicluna ħadu sehem fil-kampjonati dinjija li saru f’Algiers fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet.
Dawn iż-żewġ plejers kienu akkumpanjati mill-kowċ Mario Genovese u kellhom wirjiet tajbin fejn f’mumenti kienu wkoll żvinturati li ma ħadu xejn f’xi logħbiet partikolari.
Luke Bonello ħa sehem f’żewġ kategoriji ta’ taħt is-17-il sena u taħt id-19-il sena fejn fl-ewwel kompetizzjoni kellu logħba iebsa kontra l-Eġizzjan Omar Osman fejn saħansitra kien qed jirbaħ 2-1 għalkemm fl-aħħar parti tal-logħba spiċċa tilef 3-2. Hu tilef iż-żewġ logħbiet ta’ wara 3-1 kontra l-Alġerin Ajmal Guyodil u 3-0 kontra l-Indjan Rupam Sardar.
Fil-kategorija ta’ taħt id-19-il sena hu lagħab kontra plejer Ċiniż Wong Wan u ieħor Indjan Priyanuj Bhattaharyya li inċidentalment kienu rrankjati fl-ewwel post f’pajjiżhom u tilef 3-0.
Mill-banda l-oħra, Danny Scicluna ħa sehem fil-kategorija ta’ taħt il-11-il sena u f’dik ta’ taħt it-13-il sena. Fl-iżgħar kategorija, Scicluna rebaħ 3-0 lill-Alġerin Anes Seddiki filwaqt li tilef bl-istess skor kontra Ahmed Al Khalaaf.
Fil-kompetizzjoni ta’ taħt it-13-il sena, Scicluna beda tajjeb meta għeleb lill-Ingliż Zacharia Sarri 3-0 għalkemm tilef bl-iskor identiku ta’ 3-2 kontraYaakoub Gousmi u Khaled Touabia, it-tnejn Alġerini.