Tmiem il-ġimgħa ta’ suċċess għat-Table Football Malti fil-Major ta’ Frameries, li hu kunsidrat l-akbar kompetizzjoni fit-Table Football mondjali fuq livell ta’ Clubs u individwali.
Valletta Subbuteo Club rebħu dan it-tournament meta fil-final għelbu lit-Taljani ta’ Reggio Emilia bl-iskor konvinċenti ta’ 3-1. B`hekk Valletta SC pattew naqra għat-telfa li sofrew fil-final taċ-Champions League tat-Table Football kontra l-istess team Taljan, f`Ottubru li għadda. Valletta kienu komposti minn Samuel Bartolo, Mark Gauci, Joseph Borg Bonaci, Derek Conti, Angelo Borg, and Christophe Dheur.
B`din ir-rebħa, Valletta ikkonsolidaw il-pożizzjoni tagħhom ta’ numru wieħed fil-World Rankings mondjali tal-Clubs tat-Table Football.
Is-suċċess ta’ Malta f`dan il-Major kompla fil-kompetizzjoni tal-individwali tal-`Veterans` fejn Massimo Cremona rebaħ dan it-tournament meta fil-Final għeleb lil Carlo Alessi 3-2 bil-penalties wara draw ta’ 3-3 fil-ħin normali u extra time. Fis-semifinali, Cremona għeleb lil Charles Aquilina ta’ Bormla 2-1 biex b`hekk f`din il-kategorija il-Maltin rebħu l-midalja tad-Deheb u Bronż.
Ta’ min isemmi li fdin il-kategorija `Veterans`, Malta kellha erba’ players, Massimo Cremona, Charles Aquilina, Jason Pisani, u Mario Camilleri li kkwalifikaw għall-aħħar tmienja ta’ din il-kompetizzjoni.
Finalment, fil-kategorija tal-Individwali Under 16, iż-żagħżugħ Robert Farrugia Randon tela` fil-finali għat-tieni sena konsekuttiva u tilef kontra il-Belġjan Jerome Cyganek biex rebaħ il-midalja tal-Fidda.