Fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, ġie organiżżat il-Major ta’ Frameries 2022, ġewwa l-Belġju fejn, tmintax-il plejer Malti kienu qed jikkompetu. Din is-sena kien it-tletin anniversarju li ġie organiżżat dan it-tournament tant prestiġjuż.
Is-Sibt kien hemm il-kompetizzjonijiet individwali. Fil-kategorija ta’ taħt is-sittax-il sena Robert Farrugia Randon, li għad għandu tnax-il sena, kellu prestazzjoni tajba ferm u saħansitra spiċċa fil-finali. Il-finali intrebħet mil-plejer Belġjan Noah Denne bl-iskor ta’ 4-2. Robert Farrugia Randon huwa plejer ta’ Ħ’Attard SC.
Fil-kategorija tal-veterani ħadu sehem seba’ plejers: Mario Camilleri, Mario Fleri Soler, Charlie Aquilina, Stanley Farrugia Randon, Valentino Zamorano, Walter Attard u Jason Pisani. F’din il-kategorija l-iktar plejer li avvanza kien Mario Camilleri ta’ Valletta Subbuteo Club. Camilleri tilef fil-kwarti tal-finali kontra il-plejer Taljan Gianfranco Calonico. Il-logħba spiċċat 0-0 u wara li baqa l-istess skor fil-ħin miżjud, giet deċiza bix- ‘shots’ fejn ġew 0-1.
Għaxar plejers Maltin ħadu sehem fil-kategorija Open: Jurgen Balzan, Derek Conti, Joseph Borg Bonaci, Samuel Bartolo, Mark Gauci, Spencer Conti, Josef Camilleri, Jean Carl Tabone, George Ebejer u Tristan Fenech. Samuel Bartolo ta’ Valletta Subbuteo Club tilef il-kwarti tal-finali, kontra Carlos Flores fl-aħħar sekonda 4-3. Mark Gauci li ftit ilu rebaħ il-Major ta’ Bologna, kien finalist f’dan il-Major ukoll. Il-finali intrebħet mill-ispanjol Carlos Flores 3-2.
Il-Ħadd kien imiss il-kompetizzjonijiet tat-timijiet. Bħala tims Maltin kien hemm Bormla SC (Tim A u Tim B), Ħ’Attard Subbuteo Club u Valletta SC. Żewġ plejers Maltin Jurgen Balzan u Jean Carl Tabone kienu qed jilgħabu mat-tim tagħom ST Stembert u CT Barcellona Mortellito rispettivament. Valletta Subbuteo Club kien ir-rebbieħ ta’ dan it-turnament għat-tieni darba fl-istorja tagħhom. Wara kwarti tal-finali missielta mat-tim Taljan Bologna Tigers, Valletta rebħu bil-ħin supplimentari b’gowl minn Mark Gauci.
Fis-semi finali Valletta SC rebħu lil SC Charleroi “A” bl-iskor ta’ 2-0. Il-Finali intrebħet kontra t-tim b’saħħtu Taljan F.Lli Bari Reggio Emilia bl-iskor 2-1. It-tim ta’ Valletta Subbuteo Club kien iffurmat mil-Kaptan Samuel Bartolo, Derek Conti, Mario Camilleri, Joseph Borg Bonaci, Christophe Dheur, Ludovic Ponthieux, u Mark Gauci.