Fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, sar l-International Open ta’ Yorkshire ġewwa l-Inghilterra fejn ikkompetu erbgħa atleti Maltin.
George Ebejer kellu turnew mill-aqwa fejn irnexxielu jasal sas-semifinali ta’ din il-kompetizzjoni. Ebejer għeleb lil Maxime Rairoux fil-kwartifinali 4-2 iżda tilef kontra l-eventwalment rebbieħ Remi Soret fis-semifinali 1-0.
Josef Camilleri irnexxielu jikkwalifika mill-grupp tiegħu iżda kien eliminat fil fażi tal-barrage minn Maxime Rairoux.
Intant, iż-żgħażagħ Thomas u Gabriel Ebejer ukoll kellhom prestazzjonijiet tajbin. It-tnejn li huma ma rnexxilhomx jikkwalifikaw mill-grupp tal-kategorija Open iżda waslu sal-kwartifinali tat-turnew ta’ konsolazzjoni.
Thomas Ebejer ukoll wasal sas-semifinali tal-kategorija ta’ taħt l-20 sena fejn tilef kontra l-eventwalment rebbieħ Noah Denne 2-1.
Il-vjaġġar tal-atleti Maltin ikompli jkun possibbli grazzi għall-għajnuna ta’ SportMalta u l-Kumitat Olimpiku Malti.