Il-preżenza ta’ tabib speċjalizzat fl-emerġenza u infermier tal-ambulanzi jżidu ċ-ċans għall-ħajja waqt inċident serju.
Dan qalu l-ispeċjalista u konsulent tal-emerġenza Dr Jonathan Joslin fejn spjegalna li bis-saħħa tal-Emergency Physician Response Units il-pazjent qed jgħix aktar.
“L-istudji li ħarġu ndunaw li tim ta’ tabib speċjalizzat ma’ nurse li jiġi bl-ambulanza jistgħu jnaqqsu l-mewt b’35%. Fil-fatt dak li qed nippruvaw nagħmlu. Indunajna wkoll mir-riżultati ta’ din is-sena li allavolja rajna ammont ta’ mwiet din is-sena tlieta biss mietu minn dawk li daħħalna l-ITU. Jiġifieri ttihom ċans ta’ survival aħjar”
Kompla jispjega li f’inċidenti serji l-ħin tar-rispons tal-ħaddiema tal-emerġenza huwa importanti ferm.
“Importanti ħafna għaliex? Għax ic-chain of trauma survival ma jibdiex mill-isptar. Jibda filfatt from point of impact. In-nies jibdew imutu eżatti mal-impatt tal-inċident”
Sostna li aktar minn nofs il-vittmi li jitilfu ħajjithom jiġrilhom dan fl-ewwel minuti mindu jseħħ l-inċident.
“Iktar ma jkun hemm dewmien għal dak il-proċess fejn ikollok response ta’ speċjalist jew ta’ ambulanza iktar għandhom ċans li jmutu. Filfatt aktar minn 50% tal-pazjenti li jmutu bi trawma, jmutu fl-ewwel kwarta”
Dr Joslin spjega li huma ma joħorġux fuq kull sejħa li titlob għall-għajnuna iżda jmorru fuq każijiet fejn il-vittma jkun maqbud fuq il-post jew involut f’inċidenti serji bħal ħbit ta’ karozzi, attentati ta’ suwiċidju, nirien jew aċċidenti kbar.
“Jekk ikun hemm call t’għajjut għal inċident li huwa ta’ ċertu serjeta jew hemm ħafna pazjenti midrubin jew it-tip ta’ trauma huwa ftit qawwi joħroġ wieħed jew tnejn minn dawn il-karozzi bt-tobba speċjalizzati li jaslu fuq il-post u jibdew il-proċess tal-ewwel għajnuna”
Kompla jispjega li minn fuq il-post tal-inċident it-tim ta’ speċjalisti ta’ infermiera jibdew jgħaddu l-informazzjoni neċessarja lil numru ta’ dipartimenti fl-isptar Mater Dei.
“Nistgħu nagħmlu l-ewwel assessment tax-xena li jkun hemm hemhekk. Imbagħad nagħtu l-informazzjoni lura lejn l-isptar u l-isptar parti mit-trauma team callout ikunu msejħin ukoll il-kirurgi, l-anestetisti u anki t-teatri tal-operazzjonijiet ikunu lesti biex jirċievu dawn il-vittmi li jkunu aktar kritiċi”
Din is-sejħa li tissejjaħ Trauma Team Callout toħroġ mill-kamra tal-kontroll tal-ambulanzi u tintbagħat lil kull persuna li jkun hemm bżonn l-assistenza tagħha permezz ta’ sistema kompjuterizzata.
F’inċidenti ta’ skala kbira tiġi infurmata t-tmexxija tal-isptar hekk kif l-operat tal-isptar Mater Dei jista’ jinbidel sabiex ikun jista’ jaqdi kemm jista’ jkun persuni.