Il-kodiċi kriminali bħalissa qed iżomm lit-tobba lura milli jipprovdu din il-kura għaliex m’għandomx il-komfort legali biex iwettqu proċedura bil-għan li ssalva l-ħajja ta’ mara tqila.
Kien b’dan il-mod skjett u dirett li t-tabib tal-familja, Dr Jan Chircop iddeskriva s-sitwazzjoni tat-tobba li jinsabu f’sitwazzjoni li jkollhom joperaw mara tqila biex isalvawla ħajjitha kawża ta’ kumplikazzjonijiet fit-tqala.
Huwa qal dan waqt li kien mistieden fuq il-programm tal-analiżi tal-ġurnali Paperscan il-Ħadd filgħodu, waqt li kienu qed jiġu diskussa l-emendi fil-kodiċi kriminali li hemm bħalissa quddiem il-Parlament.
Dr Jan Chircop sostna s-sitwazzjoni diffiċli li jinsabu fiha t-tobba u l-ommijiet bħalissa, mingħajr din l-emenda.
Dr Chircop spjega,“Dan huwa kunflitt tal-kodiċi kriminali li qed iżomm lit-tobba lura milli jipprovdu din il-kura għaliex m’għandekx il-komfort li inti fl-aħħar mill-aħħar wara li tagħmel din il-proċedura biex issalva l-ħajja tal-mara għal tqala forsi li ma tistax twassal sal-aħħar u li se toħloq kumplikazzjonijiet serjissimi li ħa jkunu ta’ kaġun fejn tista’ titlef ħajjitha l-mara.”
Dr Chircop indirizza wkoll in-narrattiva ta’ biża’ u qerq li qed tiddomina bħalissa fid-diskussjoni kawża wkoll tal-kampanja kontra din l-emenda mill-Partit Nazzjonalista.
It-tabib tal-familja spjega l-parametri ċari li fihom tista’ ssir proċedura taħt din l-emenda.
Proċedura li tista’ ssir biss bi qbil bejn it-tabib u l-omm.
Hu qal, “Il-kura ta’ kwalunkwe każ mediku, going forward irid ikun maqbul bejn iż-żewġ partijiet. Mingħajr dak il-qbil ma jistax isir. Jiġifieri kif qed tgħid inti ma tistax tiġi omm u tgħidlek irrid nittermina t-tqala tiegħi għax qabditni ħafna anzjetà. Mhuwiex il-każ. Għaliex intużat ħafna din il-kelma dan l-aħħar u hija sfortuna li hemm min qed jinqeda b’din il-kundizzjoni ta’ nies li qed ibgħatu ħafna u fl-istess ħin mhijiex relevanti.”
Fil-fatt, hawn Chircop aċċenna għan-narrattiva li ħolqot dubju dwar kundizzjonijiet li jistgħu jaqgħu taħt il-kategorizzazzjoni ta’ periklu fuq is-saħħa tal-mara.
Huwa emfasizza s-sewwa magħruf.
Dr Chircop spjega, “Il-liġi ma tgħidlekx li waħda mir-raġunijiet għaliex tittermina t-tqala hija l-anzjetà. Tgħidlek jekk hemm periklu fuq is-saħħa li qiegħda tipperikola l-ħajja tal-mara. L-anzjetà u l-kundizzjonijiet psikoloġiċi kollha, mhumiex fost dawn il-kundizzjonijiet. Jiġifieri għalxejn qed nippruvaw inbeżżgħu b’dawn il-kundizzjonijiet.”