Il-programm ta’ vaċċinazzjoni b’saħħtu li għandu pajjiżna kompla jiġbed l-għajn ta’ bosta mediċi professjonali minn madwar id-dinja.
Din id-darba minn Tabib b’esperjenza fil-Kroazja, Dr. Tomislav Meštrović, li f’riċerka li għamel u li ġiet ippubblikat fil-ġurnal Health Sciences Review, tefa’ dawl pożittiv fuq it-tilqim f’Malta.
Bit-titlu, “Malta as a primer for rapid and effective COVID-19 vaccination strategy”, it-Tabib Kroat innota kif Malta kellha dożi biżżejjed sabiex tlaqqam il-popolazzjoni kollha, u fl-istess ħin ra li ma kienx hemm reżistenza qawwija min-nies sabiex jitlaqqmu.
Ir-riċerka turi kif Malta hija wieħed mill-ftit pajjiżi fid-dinja li għandha programm mgħaġġel u effiċjenti.
It-Tabib żied jgħid li problema kbira li bosta pajjiżi qed jaffaċċjaw u b’hekk qed ikollhom rati baxxi ta’ tilqim, hija li n-nies mhumiex qed jikkonkorru biex jitlaqqmu, fosthom pajjiżi bħall-Belġju u anke Franza.
Fil-ġurnal mediku, Malta ġiet imfaħħra wkoll għall-fatt ta’ kif laqqmet lin-nies b’mod professjonali, kategorija t’età wara l-oħra.
Żewġ fatti pożittivi oħra li ġew innutati, kienu l-investiment li għamel il-Gvern Malti meta fetaħ bosta ċentri ta’ tilqim madwar il-pajjiż, u l-fatt li ordna u ġab biżżejjed dożi ta’ tilqim mingħand il-kumpaniji li jipproduċu l-vaċċin.
Intant, l-istudju juri kif Malta implimentat strateġija ta’ suċċess sabiex tiġġieled il-Covid-19.