Mill-ewwel ta’ Frar, min se jmur jixtri minn ħwienet li se jipparteċipaw fl-iskema tal-istabbiltà tal-prezzijiet, għandu jara tabelli li juru prezzijiet differenti.
Din l-inizjattiva mħabbra mill-Prim Ministru Robert Abela, tiġbor fiha erba’ mitt prodott essenzjali minn ħmistax-il kategorija, li jinxtraw l-aktar mill-konsumaturi.
Spjegat dan ma’ ONE News, il-Kap tas-Segretarjat tal-Ministeru għall-Ekonomija, Roberta Albanese Dalli.
Qalet, “Ħa jkollhom tabella fuq barra jew l-entratura bil-logo ta’ Stabbiltà fil-Prezzijiet. Ħa jkun hemm ukoll logo max-shelfing tal-prodott, li juri li dak il-prodott partikolari qiegħed parti mill-iskema.”
Fuq it-tabelli se jidher ir-recommended retail price, jiġifieri l-prezz rakkomandat tal-prodott mill-importatur lill-bejjiegħ.
Mill-bidu ta’ Frar, il-konsumatur ħa jsib il-prezz stabbilit tal-31 ta’ Ottubru.
Qalet, “Li rajna, rajna ir-recommended retail price mill-31 ta’ Ottubru tas-sena l-oħra għax l-għada bdejna d-diskussjonijiet mal-importaturi u l-bejjiegħa.”
Hija tenniet li mill-bidu ta’ Novembru sa qabel ġie ffirmat il-ftehim, saru mal-ħamsin laqgħa mal-importuri u bejjiegħa.
Qalet, “Dak il-prezz rakkomandat, ir-recommended retail price ħa jkun qiegħed jorħos b’mininu ta’ 15% u dik il-kelma minimu hi importanti ħafna għax jeżistu supermarkets, jeżistu ħwienet li jmorru inqas mill-prezz rakkomandat. Biex nagħti eżempju żgħir, mela għandna prodott partikolari r-recommended retail price hu €1 ma jfissirx li dak il-ħanut bilfors irid ibiegħu €1. It is a recommended retail price, b’dan jista’ jkun dak il-ħanut partikolari ħa jmur anqas minn dak il-prezz.”
Hija tenniet ukoll li l-prezz mill-ewwel ta’ Frar, se jibqa’ stabbli sat-tħabbira tal-baġit li ġej.
Qalet, “U mill-ewwel ta’ Frar għat-trasparenza ħa jkun hemm il-lista ta’ prodotti li ħa jkunu fl-inżjattiva. Il-lista ta’ prodotti se tkun qed tinkludi wkoll ir-recommended retail price, kif kien u kif qiegħed u għalhekk ikollna wkoll kontroll min-nies hemm barra. Jiġifieri jekk just in case, immorru ġo ħanut partikolari li ovvjament qed jipparteċipa f’din l-iskema u ma jsibux b’dak ikun jista’ jiġbed l-attenzjoni tagħna biex nistudjaw dak il-każ partikolari.”
Hija fakkret kif negozji żgħar ukoll jistgħu japplikaw għal din l-iskema.
Il-ħwienet parteċipi se jidhru fuq is-sit ekonomija.gov.mt.