Kif tħabbar ilbieraħ mill-Awtorità għat-Turiżmu u l-Awtorità tal-Artijiet, illum tpoġġew tabelli ta’ informazzjoni kemm fil-bajja tal-Armier u kif ukoll fil-bajja ta’ Little Armier. Dawn it-tabelli huma ċari kristall, li f’dawn il-bajjiet huwa projbiet li fost oħrajn, kampijiet u tined li huma għola minn metru m’humiex permessi fuq il-bajja sakemm ma jitpoġġewx fuq wara tal-bajja biex ma jkun hemm ebda tfixkil għal dawk li jmorru jgħumu.
It-tabella tagħmilha ċara ukoll li paddleboats u dgħajjes huma projbiti milli jitpoġġew fuq il-bajja filwaqt li s-sajjieda ma jistgħux jistadu f’żoni tal-għawm. Ma tistax tieħu l-kelb miegħek fuq bajja li mhux inkluża fil-lista ta’ bajjiet li fihom tista’ tieħu l-annimali u lanqas tista’ tarmi fuq il-bajja. It-tabella tgħid ukoll li wieħed ma jistax idoqq mużika li tkun ta’ inkonvenjenza għall-pubbliku.
Dawn it-tabelli saru bl-għan li l-pubbliku jkun infurmat dwar dak li huwa projbit minn fuq il-bajjiet. Dan fid-dawl ta’ każijiet li seħħu matul din il-ġimgħa, fejn fost oħrajn, ittieħdet azzjoni immedjata biex jitneħħew deckchairs u umbrellel li kienu qed jokkupaw il-bajja kollha tal-Armier. Biex jum wara, seħħ każ ieħor li rrikjeda azzjoni immedjata, hekk kif għadd ta’ persuni okkupaw l-istess bajja b’numru ta’ kampijiet.
Għalhekk, dawn it-tabelli għandhom jipprevjenu każijiet oħra ta’ dan it-tip għaliex il-pubbliku se jibqa’ infurmat f’kull jum.