Il-Klabb sportiv ta’ Ta’ Xbiex ippreżenta b’mod uffiċjali it-tim li ser jieħu sehem fil-Kamjonat tal-Beach Soccer Ewropew ġewwa Nazarè, il-Portugal. Din ser tkun l-ewwel darba li klabb sportiv Malti sejjer jieħu sehem f’din il-kompetizzjoni, fejn ser jipparteċipaw iktar minn 36 skwadra minn madwar l-Ewropa kollha.
Il-President tal-Klabb Christian Wismayer, saħaq li b’din l-opportunità, il-klabb li ilu jirrapreżenta lill-lokalità ta’ Ta Xbiex għal dawn l-aħħar 12-il sena fi sport bħall-Futbol u l-Futsal, ser ikollu l-opportunità tagħmel dan għall-ewwel darba f’fora Ewropeja.
Wismayer tenna kif l-iskwadra ilha titħarreġ minn Frar li għadda sabiex tkun preparata b’sħiħ għal dan it-tornew Ewropew.
It-Tim Manager fi ħdan Ta’ Xbiex Sports Club, Kurt Borg, ddeskriva din l-opportunità bħala waħda ta’ prestiġju. Huwa tenna kif fil-grupp ta’ logħob li fihom ser ikun involut il-klabb, ser ikun hemm timijiet mill-Portugal, Spanja u l-Ukrajna.
Mark Marlow, il-Kap tal-Futsal u l-Beach Soccer fi ħdan l-MFA, saħaq li l-Klabb ta’ Ta’ Xbiex ser jonora lil pajjiżna għall-ewwel darba.
Fl-aħħar net, il-Kap Eżekuttiv ta’ ST Group, Michael Stivala, faħħar lill-klabb għal din l-inizjattiva, u appella lil iktar intrapriżi u gruppi oħra biex ikomplu jipprovdu l-għajnuna lil entitajiet u għaqdiet differenti.
Preżenti għal din il-preżentazzjoni uffiċjali kien hemm is-Sindku Max Zammit, li awgura lill-klabb is-suċċess kollu, u awguralhom ta’ dan il-pass storiku li sejrin jieħdu.
It-tim ser ikun immexxi mill-Kowċ Pietro Barone, u flimkien mal-kaptan tal-iskwadra Antoine Barbara, ser tinkludi lil Brandon Muscat, Zvezdan Vukovic, Matthew Cassar, Jake Azzopardi, Jeremy Cassar, Matthew Agius, Ahmad Ayoub, Giuseppe Barone, Saturday Nanapere u Ryan Dalli.