Meta smajt li ġew tal-Kummissjoni ta’ Venezja biex jaraw x’għandna nagħmlu ħalli nkunu aħjar, moħħi mar lura lejn il-Kunsill tal-Ewropa li fih għamilt 17-il sena mill-ħajja politika tiegħi. Meta Ganni de Michelis kien Ministru tal-affarijiet barranin fl-Italja, għamel minn kollox halli jkabbar l-importanza tad-distrett tiegħu li kienet Venezja, post twelidu. Ganni de Michelis kien spiċċa fl-għawġ ukoll ma’ Craxi u fuq il-korruzzjoni. Sa fejn niftakar sewwa, u mhux spiss li mmur żmerċ, l-ewwel president tal-Kummissjoni kien Taljan, anzi Sqalli minn Bronte, Antonio La Pergola, li kien ukoll ministru soċjalista.
Wara li kont għamilt rapport fuq id-drittijiet tal-minoranza għall-Kunsill tal-Ewropa, din il-kummissjoni ta’ Antonio la Pergola kienu stednuni Venezja ħalli nispjega, u fl-istess data kien ġej l-Avukat Giovanni Bonello. Ma għandhiex x’taqsam imma ħa ngħidha. Lil Vanni Bonello kont għedtlu li jien ma nafdax l-airport ta’ Ruma, u li mmur niġbor il-bagalja u npoġġiha fuq vjaġġ ieħor. Hu qalli li għamilha “through” sa Venezja. Tiegħi waslet u tiegħu le. U kelli nsellfu xi ħwejjeġ fosthom jeans li kien qisu se jaqsam ix-xmara għax itwal minni. U dawk il-ġranet fuq Venezja kien għamel is-silġ.
Issa din il-kummissjoni kienet twaqqfet suppost, apparti li Ganni De Michelis ried jidher sabiħ, biex tgħin lill-pajjiżi li kien fl-Ewropa Ċentrali u li ma kenux aktar taħt il-komuniżmu. Malta qatt ma kienet pajjiż li ma kellux demokrazija parlamentari. Anzi.
Fil-Ġermanja, Spanja, l-Italja, l-Portugall, u għal xi żmien anke Franza, kellhom gvernijiet li ma kenux demokratiċi xejn, anzi faxxisti. U Malta kien diġa’ demokrazija, u aktar saret demokratika bid-deher bl-iżvilupp kostituzzjonali, meta l-Ingliżi fasslu Kostituzzjoni fuq prinċipji tagħhom għal Malta, u prattikament għandha l-istess strutturi tagħhom, u l-Kostituzzjoni tagħna ma marret xejn ‘il bogħod minn dak il-mudell.
Jien nitfantas meta jiġu nies bħal dawn li jridu jgħallmuna. Li għandhom tradizzjonijiet tad-demokrazija iqsar minn tagħna, u li aħna kellna nagħtu s-sehem tagħna biex wara l-gwerra jibdew fit-triq tad-demokrazija.
Tgħidux li rasi kbira, imma ftit dinjità għandi.
Għax dan l-aħħar ukoll kelli dehxa fuq il-Kunsill tal-Ewropa. Instab li hemm għadd ta’ membru li ġew mixtrija, (fis-sens preċiż ta’ korruzzjoni) ħalli jkunu jdoqqu u jiżfnu kif jgħidilhom gvern barrani. Dan qrajtu f’rapport internazzjonali ta’ ‘Transparency International.’
Jien niftakar meta kien hemm membri Lhud bħal membri minn diversi pajjiżi li kienu jkejlu kollox skont l-oriġini tagħhom.
Sa ċertu punt nifhimha. Imma kienet għorkitni għajnejja meta membru parlamentari Ingliż kien dejjem iqum jiddefendi l-okkupazzjoni tat-Turkija fuq il-Gżira ta’ Ċipru. U kienet ġriet l-informazzjoni li dan kien iddobba villa li kienet fis-settur Tork, liema villa qabel kienet ta’ Grieg.
Naħseb mhumiex l-aħjar għalliema milli qed nara.