“Jew kultura, mużika u tradizzjoni… jew erbgħa minn nies iħaxxnu bwiethom b’dak li mhux tagħhom.”
Mal-gallarija tal-każin ta’ Stella Maris, f’Tas-Sliema, twaħħal banner b’dan il-messaġġ ċar ħafna.
Dan hekk kif qed tikber ir-rabja għall-mod kif kienet irrifjutata offerta meqjusa raġonevoli, biex din is-soċjetà mużikali ma tispiċċax barra minn dan is-sit.
L-offerta saret mill-Gvern lil dawk li jsejħu lilhom infushom bħala sidien ta’ dan il-post, iżda li fil-verità għandhom ċens li jiskadi f’inqas minn erba’ snin. Huwa proprju għalhekk il-kliem “iħaxxnu bwiethom b’dak li mhux tagħhom.”
Fil-midja qed ikun irrapportat li biex iċedu dawn l-erba’ snin wara sentenza tal-Qorti li żgombrat is-soċjetà, ’l hekk imsejħa sidien li jridu jitfgħu lis-soċjetà ’l barra qed jitolbu madwar miljun u tmien mitt elf ewro.
Minn dak irrapportat jirriżulta li l-offerta li għamel il-Gvern hi inqas minn hekk u dan fid-dawl li l-proprjetà mhix ta’ dawn ’l hekk imsejħa sidien, tant li f’numru ta’ snin għandha tirritorna għand il-Gvern.
Fl-aħħar jiem kienu diversi l-persuni li esprimew solidarjetà mal-każin Stella Maris; b’soċjetajiet mużikali oħra jiktbu pubblikament li jkun ta’ għajb jekk din is-sitwazzjoni ma tkunx riżolta.
Is-Sinjura Bernardette Apap Bologna, f’isem ’l hekk imsejħa sidien, kienet ikkwotata tgħid fl-aħħar jiem minn tvm.com.mt li huma mhux kuntenti bl-offerta tal-Gvern. Dan minkejja li tlaħħaq il-mijiet ta’ eluf ta’ ewro.