Shezia Galea, tifla ta’ disa’ snin, ta’ sentejn daqet l-imrar li taf toffri l-ħajja.
WWaqt diskursata fuq is-sufan, omm Shezia, Marika, irrakkontat kif bintha minn ta’ età tant żgħira kellha tibda tieħu trattament mediku kontra l-kanċer f’għajnejha barra minn xtutna.
Galea tenniet, “Innutajtilha li kellha xi ħaġa bajda fil-ħabba t’għajnejha, ħadtha niġri l-isptar u mill-MRI indunaw li kellha tumur f’għajnejha tax-xellug, jgħidulha Retinoblastoma. Dak il-ħin x’ħin rajt raha t-tabib qalli ħa jkollha titla’ Londra mill-iktar fis possibbli, qalli jarawha hemmhekk.”
Marika spjegatilna dwar ix-xokk li kienet ħadet bl-aħbar, li waslet ftit jiem wara li saret taf li qed tistenna tarbija oħra.
Hawn hija qaltilna kif Puttinu daħal forċina għaliha f’dan iż-żmien diffiċli u qasam il-piż magħha.
Hija qalet, “Puttinu fetħilna l-bieb, niftakar, Angele qaltli inti ħu ħsieb it-tifla u l-bqija ħalli kollox f’idjena: fejn toqgħod, x’tieklu, kollox huma. Dak il-ħin qisek tieħu nifs tgħid ħaġa ħażina però hemm xi ħadd min jgħinek li għalija kienet ħafna importanti dik.”
Matul is-snin Marika flimkien ma’ bintha Shezia telgħu 53 darba Londra, iżda kif spjegatilna, il-kanċer jinsab stabbli.
B’tgħanniqa kbira Marika ħadnet lil bintha għall-kuraġġ li għandha, li minkejja li għadha żgħira fl-età, uriet li hi kapaċi tgħeleb id-difikultajiet li ltaqgħet magħhom. Dan filwaqt li spjegat li t-tifla sabet wens fin-namra li għandha għall-arti u t-tpenġija.
Tenniet, “Għamilna ħabta mmorru kull ġimgħa, ġieli kull xahar u mbgħad daqqa jżidu ż-żmien għal kull tliet xhur. Illum il-ġurnata grazzi għan-nies li dejjem għenu lil Puttinu Shezia nista’ ngħid li miexja għall-fejqan.”
Il-familja ta’ Shezia kif ukoll ta’ numru ta’ tfal li għaddew jew qed jgħaddu minn trattament mediku barra minn Malta kellhom serħan il-moħħ li sabu lil Puttinu jgħinnhom, u dan seta’ jsir grazzi għall-għajnuna u donazzjonijiet mill-pubbliku fost oħrajn.
Iċ-ċkejkna Shezia rringrazzjat lil Puttinu li għen lilha u lil familtha.
“Grazzi Puttinu talli dejjem għintuni”
F’jum il-Ġimgħa l-Kbira il-pubbliku wkoll għandu opportunità biex joffri sostenn lil Shezia u tfal oħra permezz ta’ donazzjoni waqt maratoan ġbir ta’ fondi li se ssir b’risq Puttinu Cares.