Skeda ta’ ħlasijiet ippublikata fil-gazzetta KullĦadd u li fiha xogħolijiet mgħotija bejn Jannar 2013 u April li għadda turi li ħu Chris Said, Peter Paul Said, ħa 139 biċċa xogħol f’mument fejn il-Kunsilli Lokal tan-Nadur kien immexxi minn żewġ aħwa oħra ta’ Chris Said: Charles Said u Edward Said.
Fl-aħħar ġimgħat, rapport tal-Bord tal-Governanza innota nuqqasijiet kbar fil-mod kif kien jaħdem Charles Said.
F’tagħrif esklussiv li ppubblika l-ġurnal KullĦadd, jirriżulta kif minbarra dan, inġibdet l-attenzjoni li tista’ ssir investigazzjoni ħafna aktar fil-fond dwar il-mod li bih l-eks sindku tan-Nadur Charles Said kien iqassam xogħol lil ħutu.
Charles Said huwa ħu Chris Said, fiż-żmien resposnabbli mill-Kunsilli Lokali, u sal-llum shadow minister qrib Simon Busuttil.
Jirriżulta li jeżistu volumi ta’ dokumentazzjoni dwar l-użu ħażin ta’ fondi pubbliċi. U f’imkejjen diversi, saret referenza għal tender li ngħata lil Peter Paul Said, wieħed minn ħut Chris Said. Dan it-tender huwa meqjus bħala eżempju mill-aqwa ta’ tmexxija ħażina.
Permezz ta’ dan it-tender partikolari, Peter Paul Said tħallas total ta’ €42,113, li minnhom €22,194 biss kienu għall-kiri ta’ apparat, jiġifieri għall-iskop li għalih ħareġ it-tender. Minbarra li kien qed itella ċertu sigħat ta’ xogħol mhux spjegabbli, tħallas ukoll ta’ affarijiet li ma jaqgħux taħt it-tender, bħall-manutenzjoni (€16,258), ix-xogħol tal-ħaddiema (€1,578) u trasport u garaging tal-apparat (€2,082).
Dan huwa każ ċar ta’ infieq mis-Sindku fuq ħuh.
Dan kollu jkompli jgħaqad mal-indħil ta’ Chris Said fl-allokazzjoni ta’ fondi lill-Kunsill Lokali, meta kien hu Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Kunsilli. Indħil li ħareġ ċar f’investigazzjoni li ħejja l-Uffiċju tal-Awditur Ġenerali, u li ġabru f’kelma waħda: ‘unwarranted’.