Seduta fil-Qorti dwar l-estradizzjoni ta’ raġel mhux se ssir f’Malta hekk kif l-akkużat telaq hu stess lejn l-Istati Uniti u ta lilu nnifsu f’idejn l-Awtoritajiet Amerikani.
It-Taljan-Amerikan Frank Salvatore Rafaraci ta’ 68 sena jidher li telaq minn Malta wara li l-Imħallef Giovanni Griscti m’aċċettax appell tal-Avukat Ġenerali kontra d-deċiżjoni li l-arrest tar-raġel f’Malta kien invalidu.
It-Tnejn, l-awtoritajiet fl-Istati Uniti fil-fatt irtiraw it-talba għall-estradizzjoni tar-raġel u l-Avukat Ġenerali wkoll rtira l-proċeduri legali fil-konfront tiegħu hawn Malta.
Rafaraci kien imfittex mill-awtoritajiet fl-Amerka minħabba akkużi li ffroda l-Gvern ħamsin miljun dollaru. Fl-istess ħin kien imfittex minn Qorti fil-Kolumbja dwar allegat tixħim, ħsieb ta’ frodi u anke pjanijiet marbuta mal-ħasil tal-flus. Kien hemm suspett ukoll li r-raġel kien allegatament parti minn skema li ffalsifikat irċevuti għal tagħmir provdut lill-Forzi Navali Amerikani.