L-għaqda Repubblika u l-Partit Nazzjonalista ngħaqdu flimkien f’attakk dwar il-ħatra ta’ Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika.
F’temp ta’ ftit sigħat ta’ Repubblika, immexxija minn ħu d-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina, u l-Oppożizzjoni Nazzjonalista ħarġu stqarrijiet dwar in-nomina ta’ Joseph Azzopardi, eks Prim Imħallef.
Ilbieraħ, f’intervista, Bernard Grech reġa’ kkonferma li ma tafx fejn qiegħed miegħu u li ma jmexxix lill-Partit Nazzjonalista wara li l-ewwel wera li hu favur in-nomina ta’ Azzopardi u mbagħad ħareġ kontra eks Imħallef maħtur fi żmien amministrazzjoni Nazzjonalista.
Fuq żewġ ħatriet importanti, jiġifieri n-nomina tal-Imħallef Emeritu Azzopardi għal Kummissarju għall-Istandards u n-nomina ta’ Joseph Zammit McKeon għal Ombudsman, il-Prim Ministru Robert Abela kien wieġeb lill-ġurnalisti u spjega kif il-Kap tal-Oppożizzjoni kien inizjalment wera qbil fuqhom it-tnejn.
Il-Prim Ministru kien irrimarka li l-problema hija Bernard Grech, li wara li mar lura fil-partit li suppost imexxi, ta madwaru wrewh min verament imexxi fid-Dar Ċentrali, bir-riżultat ikun li Grech ġie mġiegħel imur lura minn kliemu.
Fl-aħħar jiem ONE News żvela kif kienu Karol Aquilina, Beppe Fenech Adami, u Mark Anthony Sammut l-iktar li fil-Partit Nazzjonalista nsistew u esiġew lill-Kap li ma jaċċettax in-nomina tal-eks Prim Imħallef Joseph Azzopardi.
It-tliet Deputati msemmija huma fost l-eqreb tal-għaqda Repubblika, li qed tkompli timponi fuq kif għandu jimxi l-Kap Bernard Grech.
Repubblika qed tkompli tagħmel dan anki b’esponenti li issa daħlu f’karigi importanti fil-Partit Nazzjonalista fosthom Mary Ann Lauri, attivista prominenti ta’ Repubblika u li fi żmien Simon Busuttil kienet parti minn diversi rapporti.
Fil-fatt, dan ix-xahar stess Lauri nħatret President għar-Riċerka Politika tal-Partit Nazzjonalista.
Intant ġie nnutat ukoll li m’hemm ebda raġuni valida għaliex in-nomina ta’ eks Imħallef hija aċċettabbli u ta’ eks Prim Imħallef, le.
Bernard Grech baqa’ qatt ma’ semma raġuni waħda għaliex huwa kontra n-nomina ta’ Joseph Azzopardi għal Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika.
F’dan il-kuntest, il-Partit Laburista rrimarka li din hija tassew arroganza ta’ min irid li mill-Oppożizzjoni tgħaddi tiegħu biss.