Żewġ karigi importanti fil-Partit Nazzjonalista se jmorru għall-fazzjoni l-iktar estrema tal-Partit. L-eks Ministru ta’ żmien Gonzi PN, Chris Said, se jinħatar President għad-Djalogu Soċjali filwaqt li bħala President għar-Riċerka Politika se tinħatar Mary Ann Lauri, attivista prominenti ta’ Repubblika u li fi żmien Simon Busuttil kienet parti minn diversi rapporti.
Said se jieħu post id-deputat Ivan J. Bartolo u Mary Ann Lauri ta’ Martina Caruana, wara li din tal-aħħar għażlet li żżarma għal kollox mill-Partit Nazzjonalista.
ONE NEWS huwa infurmat li fl-aħħar xhur Caruana kellha diverġenzi mal-Partit, inkluż fuq pożizzjonijiet marbuta mat-twemmin konservattiv tal-iktar fazzjoni b’saħħitha fil-PN. Għal dawn iż-żewġ karigi kellu jkun hemm elezzjoni, iżda din mhix se ssir għax tefgħu isimhom biss Said u Lauri.
Mary Anne Lauri kienet attiva sew fi ħdan il-Partit Nazzjonalista fiż-żmien li Simon Busuttil kien imexxi l-Partit Nazzjonalista, u għal diversi drabi kienet il-magħżula ta’ Busuttil biex tindirizza attivitajiet tal-Partit Nazzjonalista. Lauri hi wkoll viċin ħafna l-fazzjoni estremista fi ħdan il-Partit Nazzjonalista u għalkemm żammet profil baxx kienet kontra Adrian Delia bħala Kap tal-PN.
Chris Said kien id-Deputat li mexxa r-rivolta kontra Adrian Delia u kien, flimkien mad-deputat Claudette Buttigieg, l-ewwel li marru Sant’Anton jitolbu li jitneħħa Delia minn Kap tal-Oppożizzjoni. Meta Bernard Grech tpoġġa Kap, Said kien indirizza konferenza tal-aħbarijiet mill-fazzjoni estrema fi ħdan il-PN, u qal li taħt Grech il-PN kien se jiġġedded u jirbaħ. Ftit tax-xhur wara, b’Bernard Grech bħala Kap, il-PN ġarrab l-akbar telfa li qatt ġarrab partit politiku mill-Indipendenza ‘l hawn.
Nies li tkellmu ma’ One News, u li huma midħla tad-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista, qalu li l-ħatriet ta’ Lauri u Said huma “konferma oħra tal-ħakma li għandha l-fazzjoni estrema fi ħdan il-Partit Nazzjonalista fuq l-istess Partit, u fuq il-Kap attwali Bernard Grech”.
L-istess sorsi qalu li, b’dawn il-ħatriet, minflok ipprova jgħaqqad il-fazzjonijiet li hemm fil-Partit tiegħu, Bernard Grech ħalla l-feriti jikbru hekk kif il-preżenza ta’ Lauri u Said f’karigi għoljin fil-PN mistennija tkompli tnaffar lill-fazzjoni ta’ Adrian Delia.
Il-PN, taħt Bernard Grech, hu mifni bi ġlied intern. Persuni midħla sew tal-PN qalu kemm-il darba li deputati bhal Karol Aquilina, Beppe Fenech Adami, Claudette Buttigieg, u Chris Said għandhom ħakma totali fuq il-Partit u fuq il-Kap Bernard Grech. Dawn il-karigi ta’ Lauri u Said mistennija jkomplu jissiġġillaw din il-ħakma tal-fazzjoni estrema fuq il-Partit Nazzjonalista.
Intant, fil-kariga ta’ Teżorier tal-Partit Nazzjonalista se jibqa’ Mario Ellul.