L-għaqda Repubblika kompliet u żiedet fid-doża tal-attakk tagħha fuq l-eks Kap Nazzjonalista u Deputat Nazzjonalista Adrian Delia.
Permezz ta’ Michael Zammit Maempel, wieħed mill-attivisti li anki ġieli tkellem fl-attivitajiet ta’ Repubblika, l-għaqda mmexxija min ħu d-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina ħarġet tattakka aktar lil Adrian Delia fuq il-kawża ta’ libell li fetaħ lil-Lovin Malta, is-sit li s-sid tiegħu huwa l-istrateġista ta’ Bernard Grech, Chris Peregin.
Ta’ Repubblika ddefendew lil Therese Comodini Cachia u qalu li din għamlet sew li ħarġet kontra Delia, f’dak li Repubblika fissret bħala bullying minn Adrian Delia fuq is-sit Lovin Malta.
Dan wara li fil-Qorti, it-Tnejn, Adrian Delia beda jsaqsi mistoqsijiet lill-editur tal-Lovin Malta Julian Bonnici fuq rapport tas-sit li fih intqal li waqt dibattitu parlamentari wara li sar magħruf li Yorgen Fenech huwa s-sid tal-kumpanija 17 Black, Delia kien f’kuntatt ma’ Fenech, l-allegat mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Għall-mistoqsijiet li Delia beda jagħmel fil-Qorti lil tal-Lovin Malta, Comodini Cachia ħarġet mill-ġdid tattakka lil dak li riedet tieħodlu postu ta’ Kap tal-Oppożizzjoni.
Comodini Cachia qalet lil Delia li dak li għamel kien surreali u sejħitlu bħala ‘poor taste’.
Ma’ Comodini Cachia kompliet l-għaqda Repubblika, b’Zammit Maempel jgħid li Delia diġà kien għamel ħażin li fetaħ il-libell u wisq iżjed għamel att terribbli billi qagħad hu jagħmel il-mistoqsijiet fil-Qorti lix-xhud, f’dan il-każ lill-Editur tal-Lovin Malta, li għalih qed jidher Andrew Borg Cardona, il-‘Boċċa’.
Fuq l-argument ta’ Repubblika li Delia lanqas missu ħasibha li jiftaħ libell lis-sit li waqqaf Peregin, is-sajf li għadda anki Comodini Cachia kienet għamlet dan l-argument.
Fil-fatt hija kienet wieġbet lil Delia taħt kitba li fiha l-eks Kap Nazzjonalista kien ħabbar li fetaħ il-kawża ta’ libell kontra l-Lovin Malta.
Fil-kumment tagħha, Comodini Cachia, li ilha bit-tikketta mal-eks Kap Nazzjonalista, kienet ikkundannat l-aġir ta’ Delia u sejħitlu bħala attakk fuq il-midja.
Intant Zammit Maempel ta’ Repubblika qal li l-Partit Nazzjonalista għandu jindirizza l-problema, li sejħilha Adrian Delia.
Qal li biex isolviha, il-partit ta’ Bernard Grech għandu jqalfat ’il barra lil Delia, li fissruh bħala bniedem mhux denju biex ikun fil-politika.
Il-Partit Nazzjonalista mmexxi minn Bernard Grech baqa’ qatt ma ħareġ jiddefendi lil Adrian Delia, li dejjem ċaħad ir-rapport tal-Lovin Malta.
Fil-fatt meta t-Tlieta filgħaxija staqsejna lil Bernard Grech dwar il-kwistjoni, huwa deher skomdu ħafna biex jitkellem dwar il-materja.
Ġurnalist: “Tikkonferma jekk kellekx il-laqgħa ma’ Adrian Delia u Therese Comodini Cachia. Tlabt għall-apoloġija.”
Bernard Grech: “L-affarijiet niddealjahom fil-privat ta jien.”
Ġurnalist: “Lil Peregin għedtlu?”
Bernard Grech: “Insellimlek.”