Manuel Delia, bħala uffiċjal eżekuttiv tal-għaqda Repubblika, xewwex lill-imsieħba soċjali lejliet laqgħa importanti fil-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali, l-MCESD, fejn se tiġi ttrattata r-riforma fl-inkjesti maġisterjali.
Waqt li Delia hu l-eks Chief of Staff tal-Ministru Austin Gatt, li kien sejjaħ l-MCESD bħala irrelevanti u sempliċi ‘talking shop’, ir-riforma mressqa mill-Ministeru għall-Ġustizzja għandha l-għan, fost l-oħrajn, li twaqqaf l-abbużi biex inkjesta maġisterjali ma tkunx tista’ tinfetaħ sempliċiment fuq għajdut.
Xi ħaġa li, fl-aħħar jiem, inkixef li kien qed jagħmel eżatt dan l-eks Deputat Nazzjonalista u avukat tal-istess Repubblika, Jason Azzopardi, biex jattakka u jgħaddi minn martirju għalxejn persuni sempliċiment għax ma jaqblux miegħu.
F’komunikazzjoni li bagħat lill-imsieħba individwalment, Delia, minflok, argumenta li l-emenda se ddgħajjef id-drittijiet tal-bniedem kif ukoll is-saltna tad-dritt. Bil-maqlub, esperti legali saħqu mod ieħor u din ir-riforma kienet ilha mistennija.
Dak li kien responsabbli għad-diżastru nazzjonali, bl-introduzzjoni tal-Arriva f’Malta, tefa’ pressjoni fuq l-imsieħba soċjali bħala d-dmir tagħhom li jipproteġu s-saltna tad-dritt, waqt li stedinhom għal laqgħa l-Ħamis fiċ-Ċentru għall-Organizzazzjonijiet Voluntieri fi Triq Melita, il-Belt Valletta.