L-għaqda Repubblika qalet li se tressaq ilment kontra l-Maġistrat Nadine Lia quddiem il-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja.
Repubblika qed tibqa’ tinsisti li ma tridx lill-Maġistrat Lia tisma’ kawża li qed tagħmel b’rabta mal-Bank Pilatus.
Din id-darba l-ilment hu marbut ma’ digriet li tat ilbieraħ il-Maġistrat Nadine Lia dwar seduta li saret fil-15 ta’ Settembru u li fiha ddikjarat fil-miftuħ li kienet irċeviet ittra anonima ta’ theddid wara li għażlet li ma tirrikużax ruħha mill-kawża.
Fl-ittra anomima, li dwarha nfetħet inkjesta maġisterjali, saritilha theddida li l-karriera u l-ħajja personali tagħha se jitkissru.
Filwaqt li ppubblikaw il-kontenut tal-ittra, l-Assoċjazzjoni tal-Ġudikatura, flimkien mal-Prim Imħallef, qalu li tali intimidazzjoni u aġir huwa kundannabbli u ma jista’ jiġi aċċettat qatt, f’soċjetà demokratika li tħaddan il-prinċipju tas saltna tad-dritt.
Huma saħqu li ġudikant għandu jitħalla jwettaq dmirijietu b’serenità u mingħajr ebda forma ta’ pressjoni, jew ta’ biża’ għalih personalment u għall-familtu.
Bl-aħħar mossa biex ipoġġu pressjoni fuq din il-membru tal-ġudikatura, ta’ Repubblika qalu li d-digiriet tal-Maġistrat Lia fih bosta affermazzjonijiet li ma jikkorrispondux għall-verità tal-fatti.
Saħansitra, wara d-diversi konferenzi tal-aħbarijiet u inizjattivi legali kontriha, intqal mill-għaqda Repubblika li dan hu każ ta’ ġudikant li qed tkun ostili lejha.