L-għaqda Repubblika qed tħeġġeġ lil dawk li se jattendu għall-protesta, organizzata minnha għada, biex jieħdu magħhom il-borom, l-imgħaref tal-injam u s-sfafar biex jinstemgħu.
Dan simili kif kien iseħħ għexieren ta’ snin ilu kontra l-attivitajiet tal-Partit Laburista sa mis-sittinijiet.
Permezz ta’ filmat mtella’ fuq il-midja soċjali tal-istess għaqda fl-aħħar jiem, qed ikun irrakkomandat lil min ikun sejjer għall-protesta biex jħejji ‘kit’ miegħu li jinkludi dawn l-affarijiet.
Il-protesta, li se ssir għada quddiem il-Parlament fis-6:00 ta’ filgħaxija, qed teħodha kontra r-riformi fl-inkjesti maġisterjali, li l-avukat tal-istess għaqda, Jason Azzopardi, ilu jabbużaha għal diversi xhur issa, b’talbiet kontra għadd ta’ persuni, li nstabu li huma bbażati biss fuq il-gideb tiegħu.
Issa Repubblika qed tirrikorri għal tattiċi simili ħafna għal dawk li kienu jintużaw mill-istess estremisti fil-Partit Nazzjonalista u l-istess Repubblika fl-2019, waqt protesta fl-istess ħin li Adrian Delia, dakinhar Kap tal-Partit Nazzjonalista mhux appoġġjat minnhom, kien ħiereġ mill-Parlament.
It-taħbit tal-borom ukoll hu sinonimu ma’ protesti li kienu jsiru fis-snin sittin waqt il-ġlieda politiko-reliġjuża sat-tmeninijiet meta gruppi Nazzjonalisti kienu jinġabru fi protesti kontra l-amministrazzjoni Laburista ta’ dak iż-żmien.