L-għaqda Repubblika ħarġet tiddefendi lil Jason Azzopardi, wara li dan ikkummenta dwar il-proċeduri fil-Qorti li għaddej Yorgen Fenech, l-allegat mandat fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia seba’ snin ilu, u allega li l-provi kollha jippontaw lejh.
L-atteġġjament minn min suppost jaf ħafna aħjar bħala avukat qed jitqies li faċilment jaffettwa d-difiża tal-istess Fenech.
L-avukati ta’ Fenech, fil-fatt, diġà qalu li l-kummenti tiegħu ppreġudikaw il-każ ġudizzjarju fil-konfront tal-klijent tagħhom.
Issa kien il-President Onorarju ta’ Repubblika, Robert Aquilina, li, permezz ta’ post fuq Facebook, ħareġ għonqu għal Azzopardi, wara l-kummenti li ta f’intervista mas-sit Lovin’ Malta.
Ħu d-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina kompla fuq l-istess linja ta’ Azzopardi fejn qal li “meta Yorgen Fenech talab il-proklama, kien qed jitlob l-immunità mill-konsegwenzi ġudizzjarji tal-għemil kriminali tiegħu u allura kien qed jammetti l-għemil kriminali li dwaru talab maħfra.”
Robert Aquilina wkoll qal kull interpretazzjoni oħra hi gidba.
L-avukati ta’ Fenech qalu li dak iddikjarat minn Dr Azzopardi, li issa ġie ripetut ukoll minn Aquilina, mhuwiex minnu, anzi jikkontradixxi l-fatti u jippreġudika l-każ kollu kemm hu, ladarba tali dikjarazzjonijiet qed jinfluwenzaw l-opinjoni pubblika.
Esperti legali, li tkellmu ma’ ONE News bil-kundizzjoni tal-anonimità, stqarrew li ma jeskludux li tali kummenti kellhom l-għan li tassew iħarbtu l-proċeduri li għaddejjin u teknikament iwasslu biex il-każ kollu jaqa’.