Wara 3 ġimgħat ta’ tiswija fit-tarzna li ssir bħala parti minn rutina, Ta’ Pinu jerġa’ lura għas-servizz minn għada biex ikun lest anke għall-karnival popolari f’ Għawdex.
Il-vapur qatta’ 23 jum fil-Baċir 5, fejn 70 ħaddiem ddedikaw l-enerġiji tagħhom biex jiżbgħu u jnaddfu l-parti ta’ taħt bl-użu ta’ hydro-blasting speċjali bi pressjoni għolja, fejn saru wkoll it-testijiet meħtieġa.
Il-Bidla se tkun innutata anke fl-imodernizzazzjoni tal-kmamar tal-banju, kif ukoll fil-garaxx fejn joqogħdu 158 vettura.
Il-maniġer ġenerali ta’ Palumbo Joseph Calleja qal li t-tim tat-tarzna ħadem mal-kaptan tal-vapur biex isir tibdil b’pass meqjus fix-xogħlijiet.
Il-maniġer tal-inġinerija tal-kumpannija Gozo Channel Sammy Grech qal: “Il-vapuri tagħna normalment jidħlu fil-baċir għal rutina, iżda Għawdex sar tant popolari li f’dawn il-jiem neħtieġu tliet vapuri l-ħin kollu, anke f’Jannar”.
Mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika jidher li n-numru ta’ passiġġieri li jivvjaġġaw minn Malta għal Għawdex, li laħqu 5.4 miljun u 1.5 miljun rispettivament fl-2017, minn 4.7 miljun u 1.3 miljun biss sentejn ilu.