Ir-rappreżentanti ta’ Mott MacDonald ċaħdu li kellhom xi kunflitt ta’ interess meta kienu qed ifasslu l-‘masterplan’ ta’ Paceville. Masterplan li ma fassluhx waħedhom iżda kien hemm ukoll l-involviment ta’ ditta oħra ta’ fama mondjali, Broadway Malyan.
Ir-rappreżentanti ta’ Mott MacDonald kienu mistoqsijin dwar dan fil-Kumitat Prermanenti dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tal-Iżvilupp tal-Parlament.
Għad-domandi b’ton arroganti tal-membri tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista, l-esperti ta’ Mott MacDonald żvelaw kif id-ditta tagħhom timpjega madwar 16,000 persuna. Fehmu kif ix-xogħol li sar għal investitur privat kien marbut mal-inġinerġija u għalhekk ħadmu fuqu uffiċjali minn taqsimiet differenti minn dawk li ħadmu fuq il-masterplan ta’ Paceville.
Il-membri tal-Oppożizzjoni qed jgħafsu kemm jistgħu biex juru li hemm kunflitt ta’ interess. Għal dan in-nies ta’ Mott MacDonald spjegaw kif kien f’Marzu 2016 l-ewwel darba li rċievew mingħand l-Awtorità tal-Ippjanar biex jaraw kienux interessati fl-iżvilupp tal-masterplan ta’ Paceville. Dan flimkien ma’ għadd ta’ kumpaniji internazzjonali oħra. Eventwalment ix-xogħol ħadu f’Mejju 2016, meta x-xogħol fuq l-inġinerija ta’ Mercury House kien lest. Fil-fatt ma kienux huma li fasslu l-proġett ta’ Mercury House li skont dak irrapportat iġib l-isem ta’ Zaha Hadid, l-arkitett ta’ fama internazzjonali li mietet ftit tax-xhur ilu.
Is-Segretarju Parlamentari, Deborah Schembri, qalet li l-gvern għadu kif kien infurmat b’dan li jissejaħ bħala kunflitt ta’ interess potenzjali.
Għalhekk hi għamlet ukoll sensiela ta’ mistoqsijiet. Fosthom jekk ikunx hemm kunfidenzjalità fl-istess kumpanija dwar ix-xogħol differenti li jkun qed isir. Ir-rappreżentant ta’ Mott McDonald stqarr li jkunu jafu fuqiex ħaddieħor jista’ jkun qed jaħdem iżda mhux id-dettalji.
L-uffiċjal ta’ Mott MacDonald qal li l-għoli u ż-żoni għal kull żona kienu stabbiliti minn nies ta’ Broadway Malyan biex huma mbagħad ħadu ħsieb l-inġnerija t-trasport u l-infrastruttura meħtieġa għal dak propost.