Meta Prim Ministru Ungeriż Viktor Orbán jiddiskuti l-immigrazzjoni, ma tantx iżomm lura fi kliemu, sakemm m’hemmx fin-nofs il-flus. Hekk josserva l-ġurnal Politico.
Orbán tkellem b’saħħa dwar il-migrazzjoni, tant li sejjaħ referendum dwar l-iskema tal-kwoti kontroversjali tal-Unjoni Ewropea għar-rilokazzjoni tar-refuġjati. Jemmen fil-“kontroll totali” tal-fruntieri esterni tal-Unjoni kif ukoll fil-ħolqien ta’ “belt ġganteska għar-refuġjati” fil-Libja biex jiġu proċessati talbiet għall-ażil.
Fl-istess ħin Budapest qiegħda toffri permessi ta’ residenza lil ċittadini li ġejjin barra mill-Unjoni Ewropea. Qiegħda toffri aċċess bla viża għal żoni Schengen tal-Unjoni Ewropea, għas-somma ta’ €300,000 minfuqa fuq bonds li nħolqu apposta mill-Gvern Ungeriż.
Taħt il-programm li beda fl-2013, l-Ungerija se tkun tat 3,649 permessi ta’ residenza, li jintitola lil sidhom għal dħul mingħajr viża u soġġorn għal massimu ta’ 90 jum fit-territorju tal-Istati Membri tax-Schengen. Dawk li jiksbu l-permessi mhumiex meħtieġa li jidħlu fl-Unjoni Ewropea permezz tal-Ungerija, jew iqattgħu xi żmien fil-pajjiż.
Il-konjuġi tal-applikant, it-tfal dipendenti u l-ġenituri dipendenti wkoll jirċievu permess ta’ residenza, li jintitolahom għall-istess drittijiet tal-ivvjaġġar.
Skont ir-Residency Bond Program, kumpanija li tgħin applikanti jiksbu residenza, b’kollox 9,735 permessi ġew mogħtija lill-applikanti bil-membri tal-familja tagħhom.
“Din hija l-orħos offerta fl-Ewropa,” tgħid il-kumpannija fuq is-sit elettroniku tagħha, u żżid li ddum inqas minn xahrejn tistenna li tkun pproċessa applikazzjoni. “L-Ungerija tispikka mill-kumplament minħabba programm li huwa faċli, żvelt u sikur” iżżid tgħid.
Fl-ewwel jum ta’ Lulju, il-gvern Ungeriż neħħa l-obbligu għall-applikanti li jkollhom indirizz fiss fil-pajjiż. Wara sitt xhur, l-applikant li jkun ħa l-permess jista’ jikseb permess ta’ residenza permanenti, validu għall-ħajja.
L-iskema qiegħda tkun riklamata ċ-Ċina, ir-Russja, it-Turkija, l-Iran, l-Għarabja Sawdita u fl-Istati tal-Golf. “L-Ewropa qatt ma kien daqshekk aċċessibbli!” jgħid materjal promozzjonali ta’ VolDan, kumpanija awtorizzata li tbigħ il-bonds residenza fil-Balkani u pajjiżi ex-Sovjetiċi.
Politico jgħid li dan huwa suq li qiegħed jikber. U hawn tidħol Malta, flijmkien ma’ Ċipru, l-Irlanda, il-Greċja, il-Latvja, il-Bulgarija, l-Awstrija, ir-Renju Unit, il-Portugall u Spanja, li kollha joffru permessi simili bi skambju għal xi tip ta’ investiment, normalment fil-proprjetà. L-iskema Maltija mhux biss hija fost l-ogħla, iżda hija wkoll ferm aktar restinġenti u iebsa fl-ammont ta’ rekwiżiti mitluba.
Hawn Malta, minbarra li jinvesti fil-peress innifsu, individwu jrid jagħmel kontribuzzjoni ta’ €650,000, aktar minn kemm ħafna ċittadini Maltin iħallsu taxxa matul ħajjithom. Irid jinvesti fi propjetà li l-valur minimu tagħha jkun ta’ €350,000 ewro, jew kirja ta’ €16,000 ewro fis-sena. Irid jinvesti €150,000 oħra f’bonds u stocks sanzjonati mill-Gvern. Irid jgħaddi minn erba’livelli ta’ due diligence bl-aħħar wieħed ikun skrutinju ekwivalenti għal dak li llum isir mill-MFSA. Minbarra li hemm capping li permezz tiegħu l-programm huwa limitat għal massimu ta’ 1800 applikazzjoni ewlenija. Għalhekk il-programm Malti mhux miftuħ għal mijiet ta’ eluf ta’ persuni.
Il-valur totali biex wieħed isir ċittadin Malti huwa mill-inqas €1.150 miljun.
Din il-grafika hija skont Politico
Għall-kumpaniji li joffru l-permessi ta’ residenza, is-suq qed jisplodi. “Id-domanda u l-provvista qed jikbru globalment,” qal Armand Arton, CEO ta’ Arton Kapitali, waħda mill-kumpaniji ewlenin li jiffaċilitaw iċ-ċittadinanza u r-residenza applikazzjonijiet.
Arton tistma li bejn 5000 u 8000 individwu japplika kull sena għall-iskemi ta’residenza offruti fl-Ewropa.