Bħal ħafna dilettanti tal-Ġimgħa l-Kbia, John Sammut, flimkien ma’ oħrajn, kien itella’ wirja għall-okkażjoni, b’inkwatri maħduma bis-smid.
John spjegalna kif isir dan ix-xogħol tal-idejn: “L-ewwel irid ikollok il-materja prima li nuża jien hija s-smid. Is-smid jiġi mħallat bil-power colour, bil-kulur tat-trab u toħroġ tones u kuluri differenti. Jiġu mpoġġija ġo bowls. Hekk ikollok preparat ix-xogħol, il-kuluri. Imbagħad l-għodda minflok il-pinzell huwa l-kuċċarina. Il-kuċċarina fiha teknika kif troxx dak li int trid tipproduċi, jiġifieri, jekk ħa tagħmel disinn jekk ħa tagħmel pittura. Hija l-kuċċarina li ħa troxx bil-mod fuq fejn inti trid twaddab biex minflok tpinġi bil-pinzell, tpinġi bil-kuċċarina.”
John qalilna wkoll li n-namra għal dan id-delizzju nibtet fih madwar ħamsa u erbgħin sena ilu meta qassis kien jieħdu l-wirjiet tal-Ġimgħa l-Kbira.
Huwa stqarr: “Konna mmorru naraw il-wirjiet ma’ saċerdot mill-Mellieħa, Dun Mosè Debono li għadu mimli bl-għomor. Kien jeħodna naraw dawn il-wirjiet u minn hemm nibtet l-għira għal dax-xogħol u dejjem insaqsi u nħuf u nara kif isir u minn hemm bdejt.”
Filwaqt li wera d-dispjaċir għaliex għal sena oħra l-wirja mhux se ssir, John qal li din qed titfakkar permezz tal-midja soċjali.
John sostna: “Bħal kull dilettant sewwa tal-Ġimgħa l-Kbira u sewwa tal-festi, sewwa ta’ kull attività oħra li ssir, dak li tieħu pjaċir tagħmel ma jistax isir. Anzi, jiġifieri, qed inwaddbu fuq Facebook u mezzi soċjali oħra biex dak li jkun jieħu pjaċir jara dak li kien isir qabel.”
Magħna temm isostni li jemmen li dan id-delizzju se jkompli għaddej minn ġenerazzjoni għal oħra.
Huwa qalilna: “Dejjem qisu jinbet, dejjem ikun hemm xi ħadd li jieħu interess illi jitgħallmu dan ix-xogħol.”