L-Għaqda Dinija tas-Saħħa, tistma’ li f’pajjiżna ta’ kull sena jkollna madwar 130 mewta kawża tal-influwenza u pnemonite.
Dan ħareġ f’diversi rapporti f’pajjiżna hekk kif ħafna jinsabu jqabblu l-każijiet tal-Covid-19 ma’ dawk li ġejjin mill-imxija tal-influwenza.
Fil-fatt f’Malta ta’ kull sena jkollna madwar 50,000 każ ta’ influwenza
Dan jitqabbel ferm agħar mal-imxija tal-Covid-19 hekk kif bħalissa f’pajjiżna l-każijiet huma ta’ 699.
Meta wieħed jikkumpara wkoll l-imwiet li jġibu magħhom dawn iż-żewġ viruses differenti hemm ukoll diskrepanza kbira.
Sa issa f’pajjiżna mietu 9 persuni mill-Covid-19 filwaqt li ta’ kull sena mill-virus tal-influwenza jmutu madwar 130 persuna.
Dwar dan ONE News tkellem mat-Tabib Jan Chircop hekk kif spjega li minkejja li sa issa f’pajjiżna għadna mingħajr vaċċin għall-Covid-19, il-mod ta’ kif l-Awtorijiet ikkontrollaw l-imxija huwa wieħed tajjeb ħafna.
Dr. Chirchop stqarr: “Irridu nżommu in mind fl-aħħar mill-aħħar l-effort li sar biex nikkontrollaw il-firxa ta’ dan il-virus u kemm irnexxielna inżommuh taħt kontroll. Jiġifieri meta tqis dawn l-affarijiet kieku m’għamilniex dan l-effort kieku n-numri tal-Covid-19 kienu jkunu bil-bosta akbar.”
Intant it-Tabib Chircop kompla jisħaq sabiex il-pubbliku jobdi u jżomm mal-prekawzjonijiet u l-miżuri kollha li qed iħabbru l-Awtoritajiet.
Dan sabiex is-sistema tas-saħħa f’pajjiżna tibqa’ tlaħħaq ukoll b’mod komdu mal-każijiet tal-imxija.
Huwa sostna: “Importanti li nkomplu nosservaw il-miżuri ta’ social distancing, maskri u nosservaw ir-rakkomandazzjonijiet li joħorġu mid-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika.”