Il-preżenza tal-pulizija f’komunitajiet li llum qed joffru sfida ikbar għall-infurzar hija waħda ma taqta’ xejn.
Ġranet u ħinijiet differenti jkunu jirrikjedu l-ħidma ta’ taqsimiet differenti tal-Korp tal-Pulizija bil-pulizija tad-distrett, ir-rapid intervention unit u t-taqsimiet kontra d-droga u dawk tal-immigrazzjoni lkoll imħabbta b’xogħol li qed isir f’lokalitajiet bħal Marsa u l-Ħamrun.
Filwaqt li hemm irħula fejn il-pulizija nediet l-istrateġija tal-pulizija tal-komunità, f’lokalitajiet bħal dawn il-pulizija qiegħda tinforza bil-pulizija minn taqsimiet b’għan speċifiku.
Fost dawk li jbakkru kmieni hemm il-pulizija tal-immigrazzjoni.
Kmieni filgħodu sibna lill-pulizija minn din it-taqsima f’inħawi magħrufa fejn ikun hemm persuni jitlajjaw għax-xogħol. Dawn il-persuni u min iħaddimhom jagħżlu t-triq jew xi roundabout minflok jużaw sistemi legali li diġà jeżistu. Qabel xejn il-pulizija tistabilixxi jekk dawn l-istess persuni għandhomx id-dritt ikunu f’pajjiżna.
Huwa stqarr:“Min-naħa tagħna nivverifikaw il-passaport tagħhom, naraw il-mod kif daħlu hawn Malta, nivverifikaw jekk m’għandhomx permess ta’ residenza Maltija biex ikunu jistgħu jirresedu ġewwa Malta.”
Wieħed mis-sigrieti biex dawn l-ispezzjonijiet jkunu suċċess hemm il-bżonn li l-pulizija minn taqsimiet differenti jaħdmu id f’id u anke jkunu f’kuntatt mal-komunitajiet rispettivi, inkluż il-Kunsilli Lokali.
L-Ispettur Frank Sammut, li jaħdem fis-sezzjoni tal-immigrazzjoni spjega: “Riċentament saru diversi spezzjonijiet ġewwa diversi postijiet hawn Malta, fejn iċċekkjati diversi ħwienet, instabu persuni li fil-pussess tagħhom kellhom id-droga u aħna nkunu hemm nassistu biex naraw il-pożizzjoni tagħhom hiex regolari jew le ġewwa l-pajjiż.”
Il-Gvern huwa impenjat li jżid l-infurzar madwar il-pajjiż u wara laqgħa ta’ konsultazzjoni ma’ numru ta’ kunsilli lokali fl-aħħar ġimgħat, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi, Byron Camilleri, se jkun qed imexxi iktar minn dawn il-laqgħat fi żmien li ġej.
Dan bil-għan li jisma direttament mingħand ir-rappreżentanti tal-komunitajiet, bil-għan li l-istess ministeru jkompli jieħu l-azzjonijiet meħtieġa.