Il-gazzetta ‘KullĦadd’, innutat kif għal darb’oħra, tal-Partit Nazzjonalista se jerġgħu jagħmlu bidliet fl-istatut, b’din ma’ tkunx l-ewwel darba li l-PN għamel bidliet fl-istatut. Waħda minnhom kienet meta l-elezzjoni għall-Kap tal-PN infetħet għat-tesserati kollha. Iżda meta t-tesserati vvutaw għal Adrian Delia, il-fazzjoni estremista, immexxija minn Karol Aquilina u Jason Azzopardi, ħadmet biex tqaċċtu minn Kap.
Meta Delia sar Kap, dan kien ħatar lill-eks ministru Nazzjonalista Louis Galea biex jagħmel bidliet fl-istatut tal-partit, fejn One News huwa infurmat li l-għan ta’ Delia kien li jipprova joħroġ l-id ta’ ħbiberija lid-deputati li riedu jneħħuh minn Kap, u għalhekk ġab lil Louis Galea biex jagħtih daqqa t’id.
L-istatut ta’ Louis Galea sab reżistenza kbira mill-eks Segretarju Ġenerali Clyde Puli u Carm Mifsud Bonnici li huma, flimkien man-nies tagħhom, tkellmu f’kull laqgħa dwar il-ħsara li seta’ jagħmel l-istatut ta’ Galea.
Ġie nnutat kif Galea ried ibiddel l-isem tal-Partit Nazzjonalista u anke l-arma tiegħu, u dan kien irrabja ħafna lil Clyde Puli, lil Carm Mifsud Bonnici fostoħrajn. L-id ta’ ħbiberija li Delia pprova joħroġ spiċċat ingidmet mill-istess Louis Galea u minn 17-il deputat Nazzjonalista li eventwalment neħħewh minn Kap.
Issa, tal-PN reġgħu jridu jemendaw l-istatut, u din id-darba poġġew lill-eks Segretarju Ġenerali Michael Piccinino għal dan l-inkarigu.
Persuni midħla tad-Dar Ċentrali Nazzjonalista qalu lil One News li din il-mossa ġejja minn Karol Aquilina u l-faxxa ta’ GonziPN fil-partit, issa li Charles Bonello, l-assistent personali ta’ Gonzi, sar Segretarju Ġenerali. Skont dawn l-istess persuni, dan kollu mhu xejn għajr mossa ċara li ta’ Gonzi taw dahrom lil Louis Galea.
Ħafna qed iqisu din il-mossa bħala daqqa oħra lil Louis Galea min-naħa ta’ GonziPN, wara li bħala Prim Ministru, Gonzi qatt ma’ għamel lil Galea President ta’ Malta – kariga li l-eks ministru ilu jrid għal snin twal.