Jiem wara li fil-Partit Nazzjonalista qalu li kienet riżolta s-sitwazzjoni ta’ inkwiet, iddominaw il-botti kontra xulxin minn membri taż-żewġ fazzjonijiet ewlenin tal-istess partit.
Saħansitra reġa’ kien hemm it-tgħajjir fil-pubbliku b’David Thake jgħid lin-nies ta’ Delia biex iwarrbu għax il-partit ġabuh qisu partit tas-selfies.Iżda, l-iktar li kompliet tispikka hija d-differenza bejn id-deputati tal-istess partit. Fost oħrajn David Stellini kiteb fit-Times of Malta dwar il-ħsibijiet tiegħu wara l-inkjesta Egrant u indika li seta’ kien hemm ġudizzju ħażin fi żmien Simon Busuttil. Kien kritiku sew ta’ kif il-PN mexa fi żmien l-Eks Kap. Din kienet xi ħaġa li ma tantx niżlet tajjeb, b’David Thake jattakkah fil-miftuħ u jgħid li tilef għalkollox ir-rispett li seta’ kellu lejh.
Thake, li mexxa l-protesti fi żmien Simon Busuttil, ħadha bi kbira ħafna li Stellini kiteb li l-protesti setgħu kienu xi ħaġa mgħaġġla.
Thake attakka wkoll lil Justin Schembri kandidat li wkoll kiteb li l-istil li adotta fl-aħħar snin il-Partit Nazzjonalista huwa wieħed li mhux se jħalli xi riżultati mixtieqa. Skont David Thake, Justin Schembri qiegħed fil-politika biss għax irid paga żejda u qal li m’għandux rispett lejh. Iżda, ma kienx biss Thake li ma niżillu xejn tajjeb dak li qal Schembri. Anke Karol Aquilina kiteb kontra fis-sit elettroniku tal-aħbarijiet tal-Knisja.
Karol Aquilina uża Newsbook u fost l-ewwel li xerrdulu l-artiklu kien hemm il-qassis Joe Borg li l-Blata l-Bajda, fil-bini tal-RTK, reġa’ sab l-iżvog tiegħu jmexxi l-aġenda tal-grupp tal-establishment tal-Partit Nazzjonalista, fost affarijiet oħra.
L-artiklu ta’ Karol Aquilina segwa d-dikjarazzjoni ta’ Jason Azzopardi li fuq Facebook ukoll indika li dak li kiteb Stellini huwa tat-tqalligħ. Biex jiem wara li ntqal li s-sitwazzjoni hija riżolta rajna biss nies jissieltu kontra xulxin.