L-esponenti tal-fazzjoni ta’ Adrian Delia reġgħu ma resqux għall-protesta organizzata minn nies li ġejjin mill-fazzjoni ta’ Simon Busuttil.
Filfatt, għal l-ewwel protesta tas-sena elfejn u għoxrin jakkumpanjaw lill-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil kien hemm d-deputati Karol Aquilina, Jason Azzopardi, David Casa, Therese Comodini Cachia, Beppe Fenech Adami u Mario Demarco.
Minkejja li l-Partit Nazzjonalista u Adrian Delia ħeġġew lin-nies sabiex jattendu għall-protesti li spiċċaw saru vjolenti f’Diċembru li għadda, din id-darba kien hemm skiet li jtarrax mill-fazzjoni ta’ Adrian Delia u l-Partit Nazzjonalista stess. Filfatt fid-diskors tiegħu fil-każin Nazzjonalista ta’ Ħal-Tarxien Adrian Delia m’għamel l-ebda referenza għall-protesta tal-Ħadd filgħaxija.
Bosta raw din bħala irtirata oħra għal Adrian Delia hekk kif kollox qed jindika li fil-futur qrib huwa stess se jerġa’ jkun fil-mira ta’ dawn il-gruppi.
Filfatt, fl-ewwel jiem ta’ din is-sena Delia waslitlu l-ewwel twissija ċara minn Helen Axiaq, oħt Daphne Caruana Galizia meta b’kitba fuq Facebook hija fakkritu li dak li qed jgħid fil-konfront ta’ ħaddieħor jgħodd għalih ukoll. Hawnhekk hija qalet li anki huwa għandu bżonn jirreżenja mill-kariga tiegħu.
Bħalissa fuq rasu Delia għandu diversi akkużi relatati ma ħasil ta’ flus minn ċrieki tal-prostituzzjoni f’Soho, Londra u sa issa, sentejn wara li laħaq Kap għadu m’għamel xejn sabiex jipprova jnaddaf ismu.
Bil-kuntrarju, mal-ewwel ċans li sab, sigħat biss wara l-qtil ta’ Caruana Galizia huwa waqqa’ diversi libelli li kien fetħilha fix-xhur ta’ qabel u konsegwenza t’hekk l-akkużi fil-konfront tiegħu baqgħu ma ġew iċċarati qatt.