Il-battalja bejn il-fazzjonijiet differenti fil-Partit Nazzjonalista kompliet bit-twaħħil tal-posters mal-każini tal-Partit Nazzjonalista fis-satra tal-lejl.
Żewġ iljieli ilu dawk ta’ kontra Adrian Delia waħlu posters biex il-Kap jitlaq għax skont huma l-Partit Nazzjonalista għandu bżonn kap li ma jħammarx wiċċ il-partitarji.
Tul il-lejl li għadda rritaljaw dawk li jappoġġjaw lill-Kap u li jemmnu li għandu jingħata ċans jaħdem sal-elezzjoni ġenerali.
Bl-emblema tal-mument, il-gazzetta tal-Partit Nazzjonalista ta’ nhar ta’ Ħadd, twaħħlu posters li jfakkru kif l-ewwel żewġ telfiet enormi għall-Partit Nazzjonalista ġabuhom l-eks Prim Ministru
Lawrence Gonzi u l-eks Kap Simon Busuttil. Taħt Gonzi kitbu -36k (36,000) u taħt Simon Busuttil -40k (40,000).
Dan kien fl-elezzjonijiet ġenerali tal-2013 u l-2017. Telfiet li ġew wara telfiet kbar ukoll fil-Parlament Ewropew li warajhom la Gonzi u wisq anqas Simon Busuttil ma rriżenjaw.
Il-messaġġ taħt dawn il-posters imbagħad kien “Ħallu lil Adrian Delia jaħdem.”
Il-posters twaħħlu mal-maġġoranza tal-każini tal-Partit Nazzjonalista.
B’hekk filwaqt li qed tikber il-pressjoni fuq Adrian Delia anke għax daqt se jerġa’ jkollu jiffaċċja l-għajta tal-grupp parlamentari Nazzjonalista biex iwarrab, il-partitarji ta’ Delia indikaw li mhux se jibqgħu jaqilgħu biss u jekk hemm bżonn se jirreaġixxu. Sinjal ċar li Delia jaf mhux se jċedi kif ġieb u laħaq.
Sinjal simili ntbagħat biż-żgħażagħ tal-partit fejn wara li l-Moviment Żgħażagħ tal-Partit Nazzjonalista għamlu rapport kritiku ħafna ta’ Adrian Delia, Team Start PN ħareġ jappoġġja lill-Kap u għamel rapport b’botti ċari indirizzati lejn il-fazzjoni ta’ Simon Busuttil.