Il-ġlied fil-Partit Nazzjonalista kompla jżid fid-doża tiegħu hekk kif iż-żewġ fazzjonijiet, dik ta’ Adrian Delia u dik ta’ Simon Busuttil komplew iqisu u jagħmlu l-kalkulu politiku tal-mossi u l-azzjonijiet li jmiss.
Nhar it-Tlieta li ġej se jitlaqqa’ l-eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista f’laqgħa li mistennija tkun taħraq ukoll hekk kif tal-fazzjoni Delia qed jimmuntaw pjan biex ikeċċu lil dawk id-deputati li sfiduċjaw lil Kap Adrian Delia.
Kien Delia stess li fi stqarrija li kien għamel fuq Facebook, il-Ħamis filgħaxija, kien qal li se jittieħdu l-azzjonijiet u kulħadd irid jerfa’ r-responsabilità ta’ għemilu.
Meta ġie sfiduċjat, fis-sagħtejn ta’ bil-lejl, Delia kien qal ukoll li anki qabel il-vot sigriet kontrih kien sejjaħ għal-laqgħa mmedjata tal-eżekuttiv Nazzjonalista.
Fl-eżekuttiv, wara li dsatax-il deputat sfiduċjaw lil Delia, se tiġi diskussa wkoll il-ħatra ta’ Kummissjoni għall-Etika u Dixxplina.
It-Times saħansitra rrappurtat li teżisti pressjoni biex jitkeċċew dawk li huma kontra Delia iżda Chris Said, li ressaq il-mozzjoni ta’ sfiduċja f’Delia fil-grupp parlamentari tat-Tlieta bil-lejl, qal mal-istess gazzetta li l-grupp tad-dsatax-il deputat li wrew sfiduċja fil-Kap m’għandhomx intenzjoni li jaqsmu l-partit.
Nifhmu li tal-fazzjoni ta’ Simon Busuttil, li sa fl-aħħar ġabu s-saħħa numerika kontra Delia fil-grupp parlamentari ma jridux jitilqu mill-Partit Nazzjonalista u jiffurmaw partit ieħor iżda jridu jieħdu r-riedni lura tal-partit tal-maduma.
Dan il-ħsieb, skont esperti Kostituzzjonali qed iżomm ukoll milli jsir xi żvilupp dwar il-Kap tal-Oppożizzjoni.
Is-sorsi tagħna li jkunu qrib tal-fazzjoni Busuttil qalulna wkoll li l-ħsieb ta’ Delia li jkeċċihom mill-partit urtahom bil-kbir.
Qalu li huma taw ħajjithom għall-Partit Nazzjonalista għal snin twal u issa, avukat li tfaċċa fil-partit tliet snin ilu jrid itajjarhom.
Għalhekk il-ħsieb ta’ dawk li sfiduċjaw lil Kap huwa li jippruvaw jerġgħu jiġbru l-firem biex jitlaqqa’ Kunsill Ġenerali li imbagħad fih jittieħed vot ta’ fiduċja f’Delia u jkun magħruf jekk il-Kap għadx għandu s-saħħa hemm.
Min-naħa l-oħra, ta’ Delia qalu li l-vot ta’ fiduċja fil-Kunsill Ġenerali ma jfisser xejn hekk kif l-istatut tal-Partit Nazzjonalista jgħid li t-tesserati huma dawk li jagħżlu l-Kap.
Intant fi stqarrija li ħarġu l-Ħadd kmieni wara nofsinhar, id-dsatax-il deputat li sfiduċjaw lil Adrian Delia qalu li huma qed jiżguraw li kull deċiżjoni li ħadu u li għad iridu jieħdu se jpoġġu dejjem l-interessi tat-tesserati Nazzjonalisti.
Qalu wkoll li qed jagħmlu li qed jagħmlu fl-interess tal-Partit Nazzjonalista u tal-pajjiż.
Baqgħu jsostnu dwar l-għażla ta’ Therese Comodini Cachia għall-Kap tal-Oppożizzjoni u fi stqarrija ta’ tliet mitt kelma semmew kemm il-darba lit-tesserati, l-istess nies li Adrian Delia u tal-fazzjoni tiegħu qegħdin kontinwament isemmu li Delia sar kap bil-vot tagħhom.
Id-dsatax-il deputat Nazzjonalista kontra Adrian Delia qalu li jħossu s-sens ta’ inkwiet li jeżisti fil-partit f’tal-Pietà u għaddew sensiela ta’ botti lil fazzjoni Delia, li sa issa għad għandha t-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista f’idejha.
Qalu li l-pajjiż irid Oppożizzjoni mmexxija minn persuna ta’ integrità, serja, onesta u kredibbli.