Diversi esponenti tal-Partit Nazzjonalista, b’mod partikolari dawk magħrufa għall-appoġġ tagħhom lill-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, qed jistaqsu meta se jkun hemm min imur Sant’Anton.
B’hekk qed jitfgħu botti ċari lill-Kap Nazzjonalista, Bernard Grech, li qabel tpoġġa fil-kariga biex tneħħa Adrian Delia gawda minn sforz ta’ deputati Nazzjonalisti li marru l-Palazz tal-President jgħidu li ma kellhomx fiduċja fil-Kap tal-Oppożizzjoni ta’ dakinhar. Fost dawk li għamlu din it-tip ta’ pressjoni hemm deputati li għadhom fil-grupp parlamentari u oħrajn li jimmilitaw fil-fazzjonijiet estremi tal-Partit Nazzjonalista, fosthom Repubblika.
Ta’ Delia tkellmu online ftit sigħat qabel Bernard Grech jagħmel ir-replika għall-Budget bħala reazzjoni għal stħarriġ tal-opinjoni pubbika tal-gazzetta It-Torċa, li reġa’ wera l-fiduċja b’saħħitha fil-Prim Ministru.
Fost oħrajn kiteb Sean Gauci, attivist u kunsillier tal-Partit Nazzjonalista. Qal: “Inneħħu lil Delia u nitilgħu fil-Gvern! Kemm kont smajtha din jaħasra!”
Ma damux ma wieġbu oħrajn. Kien hemm diversi li kienu iktar sakrastiċi: “Waslu Sant’Anton? Asking for a friend,” kiteb xi ħadd ieħor.
Persuna oħra qalet: “Għamilt ħames sigħat fejn Sant’Anton. Ma rajt ħadd. Clowns.” Oħrajn għamluha ċara li dak li sar lil Delia qatt mhu se jinħafer.
B’hekk kompliet tikber il-pressjoni fuq Bernard Grech, li hekk kif qed jikkritika l-Budget tal-Gvern, l-ikbar kritika interna li għandu hi dwar l-istat li fih ġab lill-Partit Nazzjonalista