Il-fazzjoni ta’ Simon Busuttil reġgħet qed tgħolli rasha biex tipprova telimina lill-Kap Nazzjonalista Adrian Delia.
Dan wara l-istħarriġ li ppubblikat il-Ħadd, il-gazzetta Maltatoday li wera li l-Partit Laburista żied il-fiduċja u l-Partit Nazzjonalista reġa’ naqqas il-fiduċja tal-elettorat.
Fi blogg li tella’ Manuel Delia, esponent tal-għaqda Repubblika u wieħed minn dawk li jaħdem għall-fazzjoni ta’ Simon Busuttil minn barra, reġgħu bdew jingħataw il-gambetti lit-tmexxija ta’ Delia.
Bit-titlu; “Doing the same thing and expecting a different result”, Manuel Delia qal li fi New Zealand l-Oppożizzjoni qabdet u bidlet ta’ malajr il-mexxej wara li stħarriġ tal-opinjoni pubblika wera kemm mhuwiex popolari ħdejn il-Prim Ministru tal-pajjiż Jacinda Ardern.
Manuel Delia żied jgħid li fi New Zealand hemm elezzjoni ġenerali f’Settembru li ġej u l-vot biex twarrab il-Kap tal-Oppożizzjoni lanqas ħa siegħa.
Huwa qal li mbagħad f’Malta, sondaġġ tal-Maltatoday wera li 51.9% tal-elettorat jafda lill-Partit Laburista, għal kontra tal-22.1% tan-nies li jafdaw lill-Partit Nazzjonalista.
Manuel Delia kiteb, “Fancy that”, b’botta ċara biex terġa’ tqum ribelljoni kontra l-Kap Adrian Delia.
Għal din il-kitba, sorsi fid-Dar Ċentrali qalu li Delia qed isib kull mezz biex jipprova jibni pont ma’ tal-għaqda Repubblika, speċjalment permezz tas-Segretarju Ġenerali interim Francis Zammit Dimech li daħal bħal feles u beda jġib lil tar-Repubblika fid-Dar Ċentrali.
L-istess sorsi qalu li Delia ħalla lil Zammit Dimech tat-tmeninijiet jagħmel dan anki f’tentattiv li jingħoġob mal-fazzjoni ta’ Simon Busuttil li ta’ spiss timminah u tfakkru li għandu allegazzjonijiet serji fuq rasu li kienu saru minn Daphne Caruana Galizia meta kienet kitbet li għandu kont bankarju f’Jersey u fih daħħal flus mill-briedel.
Delia sa meta kellu intervista mal-ġurnalista tal-Independent is-Sibt 16 ta’ Mejju prova jagħti l-impressjoni li l-Partit Nazzjonalista huwa magħqud.
Delia sostna: “Jiġifieri d-diffikultajiet li kien hemm, għaddejna minnhom, irbaħnihom u llum qed naħdmu b’mod magħqud.”
Ilbieraħ Adrian Delia saħansitra ftaħar li ltaqa’ mar-Repubblika: “Iltqajna mar-Repubblika”.
Iżda mbagħad l-istess sorsi qalulna li Delia u n-nies qrib ferm tiegħu qed jerġgħu jitħassbu li tista’ terġa’ tfeġġ xi ribelljoni bħala ma ġara fi Frar meta tfaċċaw l-hekk imsejħa 17-il eroj.
3 xhur ilu theżżu l-istrutturi tal-Partit Nazzjonalista b’sensiela ta’ riżenji min-nies viċin Delia fosthom ta’ Kristy Debono minn President tal-Kunsill Ġenerali, Clyde Puli minn Segretarju Ġenerali u Robert Arrigo minn Viċi-Kap, b’tal-aħħar imbagħad għamel u-turn u qal li se jibqa’.
Dak iż-żmien saru anki laqgħat bil-lejl u Delia ffaċċja pressjoni kbira fost il-ġlied intern li ma waqaf qatt fil-Partit f’tal-Pietà.
Fid-9 ta’ Frar Delia anki mar f’każin Nazzjonalista juża messaġġ konfrotattiv, għalkemm issa l-parir li qed ituh huwa biex ma jkunx aggressiv mal-fazzjoni li sa mill-bidu li laħaq ħalfet li taqtalu saqajh.
Huwa kien stqarr: “ebda maltemp u l-ebda problema mhi se taqtali qalbi.” “Għax min m’għandux x’jaħbi, min m’għandux faħam miblul ma jmurx jitkellem fil-kmamar magħluqa, ma jmurx jikkumplotta wara l-bibien magħluqa.”