Adrian Delia messu ra s-sinjali meta ġie sfiduċjat fil-grupp parlamentari u warrab dakinhar.
Hekk iddikjara b’mod trijonfanti l-esponent tal-fazzjoni ta’ Simon Busuttil, Chris Said f’konferenza tal-aħbarijiet separata f’kamra oħra li segwiet dik tal-Kap Nazzjonalista Adrian Delia wara r-riżultat tal-kunsilliera Nazzjonalisti.
Meta mistoqsi minn ONE News dwar x’għandu jagħmel Adrian Delia wara li tilef fil-grupp parlamentari, fl-eżekuttiv u issa fil-kunsill ġenerali, Said irrisponda b’mod simili għal kif kien għamel l-eks kap Simon Busuttil fl-eqqel tat-tiġrija ta’ tliet snin ilu.
Huwa qal: “Jien nista’ ngħidlek x’kont nagħmel jien kieku kont fil-pożizzjoni tiegħu. Kont nieħu mill-ewwel is-sinjal li tawni l-grupp parlamentari.”
B’Karol Aquilina u Joseph Grech maġenb Chris Said, il-fazzjoni ta’ Simon Busuttil iddikjarat li b’dan ir-riżultat il-Partit Nazzjonalista huwa iżjed b’saħħtu mill-bieraħ.
Said qal li dan iż-żmien diffiċli għall-Partit Nazzjonalista jintemm biss jekk jitlaq Adrian Delia u jkun hemm Kap ġdid.
Said saħaq li l-vot bagħat messaġġ lil Adrian Delia u tenna biex Delia ma jinjorax dan il-vot qawwi mill-kunsilliera.
Mistoqsi dwar l-għajta ta’ Delia ‘Mod Ġdid b’nies ġodda’, Said qal hekk: “L-islogan mod ġdid b’nies ġodda sfortunatament huwa slogan diviżiv tal-mod diviżiv li rajna fl-aħħar xhur u snin li finalment li wassal biex tittieħed l-azzjoni li għandna tittiħed. Ma kienx pjaċir tagħna.”
Said żvela li nhar l-Erbgħa li għadda, Delia bagħat email lill-kunsilliera jħeġġeġ biex jivvutaw f’dak li hu sejjaħ vot ta’ fiduċja.
Huwa kkwota: “Nistiednek għalhekk, qed nikkwota, tingħaqad maħgna f’dan l-istadju tal-vjaġġ u tivvota favur vot ta’ fiduċja fil-Kap.”
Dan id-dettall jikkontradixxi dak li qal Adrian Delia ftit qabel meta stqarr li l-vot tal-lum ma kienx wieħed ta’ fiduċja jew sfiduċja fih.
Delia stqarr: “Mhux daqshekk korrett li tgħid li l-kunsilliera ma tawx il-fiduċja tagħhom. Ma kienx hemm vot ta’ sfiduċja.”
Intant meta mistoqsi jekk jaħdmux ma’ Delia jekk dan jirbaħ il-vot tat-tesserati, Said qal li huma jibqgħu leali lejn il-Partit iżda mkien ma semmew lil Delia.
Mistoqsi direttament minn ONE News jekk hux interessat joħroġ għal Kap bħal ma għamel tliet snin ilu, Said qal li kieku kien se joħroġ, ma kienx jindirizza l-midja.